Sunday, November 24, 2024

Il-Kabinett tal-Ministri jiddikjara l-fiduċja tiegħu fi Chris Fearne

Aqra wkoll

Il-Kabinett tal-Ministri kif għamel il-Prim Ministru fl-aħħar sigħat, iddikjara l-fiduċja tiegħu fi Chris Fearne.

Fi stqarrija li ħareġ il-Gvern u l-Kabinett intqal li jinnota l-allegazzjonijiet mill-iktar serji ppubblikati fl-aħħar sigħat li l-eks Deputat Prim Ministru, Chris Fearne, kien fil-mira ta’ kampanja maħsuba biex jinħolqu stejjer foloz fil-konfront tiegħu.

Il-Prim Ministru Robert Abela minn dejjem esprima fiduċja ċara fi Chris Fearne tant li kien insista miegħu li ma kellux jirriżenja mill-kariga li kien jokkupa u dan kif espress f’ittri ppubblikati nhar l-10 ta’ Mejju 2024. Il-Kabinett tal-Ministri dejjem appoġġja din il-pożizzjoni.

Il-Kabinett jinnota wkoll li b’rabta ma’ dawn l-allegazzjonijiet ippubblikati fl-aħħar sigħat, il-Pulizija eżekuttiva kienet diġà kkonfermat li stejjer li xxandru f’midja ta’ pajjiżi oħra fil-konfront ta’ Chris Fearne ma kinux minnhom.

L-istqarrija tkompli tgħid li fid-dawl ta’ dawn l-aħħar żviluppi, il-Kabinett tal-Ministri jappoġġja l-pożizzjoni li ħa l-Prim Ministru, it-Tnejn l-ewwel ta’ Lulju, meta ddikjara minnufih li għandha ssir investigazzjoni fuq l-allegazzjoni li Chris Fearne kien fil-mira ta’ stejjer foloz. Ħadd m’għandu jkun suġġett għal xi attakk ta’ dan it-tip, iktar u iktar meta jkun qed jaġixxi f’isem il-poplu bil-għan li jassigura dak li huwa sewwa. Għalhekk il-Kabinett tal-Ministri qed jibgħat sinjal qawwi li mhux se jkun ittollerat tali aġir.

L-Avukat tal-Istat intalab biex permezz tat-tim legali, lokali u internazzjonali, jittieħdu l-passi kollha meħtieġa fl-arbitraġġ internazzjonali. B’hekk jekk kif allegat, intużaw flus tal-konċessjoni tal-isptarijiet biex jiġu ffabbrikati stejjer, dawn jiżdiedu mat-talbiet li l-Gvern Malti diġà qed jagħmel kontra Steward.

Il-Kabinett tal-Ministri jfakkar ukoll kif bħalissa fil-Qrati Maltin hemm kawża miftuħa mill-Kap tal-Oppożizzjoni kontra l-Avukat tal-Istat, li l-konsegwenza tat-talbiet tagħha hija, fost oħrajn, biex Chris Fearne jkun imfittex personalment.

“Il-Kabinett jinnota wkoll kif l-Oppożizzjoni dejjem kienet lesta tipprova tkisser lill-eks Deputat Prim Ministru, b’mod partikolari mal-mument li tħabbar li Chris Fearne ser ikun nominat bħala l-Kummissarju Ewropew ta’ Malta. L-Oppożizzjoni Nazzjonalista qatt ma nteressaha mill-pożizzjoni ta’ Malta, iżda mill-kapital politiku partiġjan immedjat. Il-Kabinett tal-Ministri jerġa’ jikkundanna bl-ikbar qawwa dan l-aġir tal-Oppożizzjoni, filwaqt li jerġa’ jiddikjara l-fiduċja tiegħu fi Chris Fearne, kif diġà għamel il-Prim Ministru,” itemm tgħid l-istqarrija.

Sport