Tuesday, March 11, 2025

Il-Kabinett tal-Ministri se jirrakkomanda Maħfra Presidenzjali lill-istudenti u l-lettur akkużati b’reati ta’ hacking 

Il-Gvern jappella għal rispett lejn il-Politika Nazzjonali u l-liġijiet

Aqra wkoll

Kif kien imħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela, il-Kabinett iddiskuta l-każ li fih tliet studenti u lettur qed jiffaċċjaw akkużi kriminali marbuta ma’ każ li kien deskritt bħala hacking etiku fuq applikazzjoni diġitali propjetà ta’ kumpanija Maltija.

Il-Kabinett tal-Ministri ħa kont tal-pożizzjoni pubblika espressa mill-allegat vittma ta’ dan ir-reat u kif ukoll tal-fatt li fil-mument li twettaq l-allegat reat il-pajjiż kien sprovist minn politika u liġijiet dwar l-identifikazzjoni tal-vulnerabbiltajiet u d-dgħufijiet tas-sigurtà fi ħdan is-sistemi u n-netwerks ta’ organizzazzjonijiet. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kabinett iddeċieda li jirrakkomanda lill-President sabiex tingħata maħfra lill-istudenti u lil-lettur li jinsabu imputati fil-każ “Il-Pulizija vs Luke Scerri et” biex b’hekk dan il-każ jingħalaq.

F’dan ir-rigward il-Gvern jgħarraf li fl-10 ta’ Diċembru tal-2024, il-Malta Digital Innovation Authority, ippubblikat in-National Coordinated Vulnerability Disclosure Policy (NCVDP), liema policy kienet imsejsa fuq konsultazzjoni pubblika li saret fis-27 ta’ Awwissu tal-istess sena (2024), li tipprovdi kundizzjonijiet u parametri għal hacking etiku. Din il-politika Nazzjonali hija wkoll ibbażata fuq id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha. 

Filwaqt li l-Gvern jirriafferma l-impenn tiegħu li jiddaħħlu dispożizzjonijiet fil-liġijiet li jirriflettu tali politika nazzjonali, jappella biex tali attività ssir b’rispett sħiħ lejn din l-istess politika nazzjonali u l-liġi viġġenti fil-pajjiż.

Il-lettur u l-istudenti ġew informati b’dan l-iżvilupp f’laqgħa li kellhom mal-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport