Friday, December 27, 2024

Il-Kampjonati BOV tal-Basketball jirritornaw f’Novembru

Aqra wkoll

Il-Kompetizzjonijiet tal-Basketball tal-Bank of Valletta jagħmlu r-ritorn tagħhom matul l-ewwel ġimgħa ta’ Novembru, bi 12-il tim jikkompetu bejn il-Kampjonat BOV tal-Ewwel Diviżjoni u l-BOV Amateur League.

Paul Sultana, President tal-Malta Basketball Association u Stefan Abela, Manager, CSR fil-Bank of Valletta indirizzaw konferenza stampa fejn taw dettalji tal-istaġun li ġej. Waqt din il-konferenza stampa ttellgħu ukoll il-poloz tal-kompetizzjonijiet BOV Knockout.

Il-President tal-MBA qal, ‘Qed naraw interess akbar fil-logħba tal-Basketball, b’aktar timijiet jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet, speċjalment fil-kategoriji taż-żgħażagħ li jawgura tajjeb għall-futur tal-isport. Dan qed jirriżulta f’aktar ħin ta’ logħob, li mbagħad itejjeb il-prinċipji fundamentali tal-plejers, il-veloċità u l-livell tal-logħob.’

‘Il-kompetizzjonijiet tal-BOV Basketball din is-sena se jservu ta’ vetrina għall-plejers lokali li qed jaħdmu bis-sħiħ biex jiksbu posthom fit-Tim Nazzjonali li se jirrappreżenta lil Malta fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa li fl-2023 se jsiru f’Malta,’ kompla s-Sur Sultana. ‘Se nkomplu nxandru l-logħob kollu fuq il-YouTube Channel tal-MBA madankollu nieħdu din l-opportunità biex inħeġġu lill-partitarji biex jiġu jappoġġjaw lit-tim favorit tagħhom fil-Padiljun tal-Basketball f’Ta’ Qali, biex igawdu l-atmosfera preżenti u jkunu parti mill-familja tal-basketball ta’ Malta. ‘.

‘Li naraw l-akbar numru ta’ timijiet jikkompetu fil-Kompetizzjonijiet tal-BOV Basketball għal ħafna snin jagħmilna kburin bl-impenn tagħna lejn il-Malta Basketball Association,’ qal Stefan Abela. ‘L-appoġġ tal-BOV għall-attivitajiet sportivi madwar il-Gżejjer ġej mit-twemmin sod tagħna li l-isport huwa ta’ benefiċċju għas-saħħa fiżika u mentali bħala parti mill-impenji ESG tiegħu.’

Ekonomija

Sport