Sunday, May 5, 2024

Sid ta’ ħanut mixli bi traffikar ta’ 1.2kg kokaina

Aqra wkoll

Raġel tressaq il-Qorti fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi dwar traffikar ta’ droga b’rabta mas-sejba ta’ 1.2 kilogrammi ta’ kokaina aktar kmieni din il-ġimgħa.

David Mifsud ta’ 40 sena mill-Pietà kien mixli bil-pussess tal-kokaina u l-kannabis, liema droga nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu. Huwa kien mixli wkoll b’ħasil ta’ flus, kompliċità f’ħasil ta’ flus u riċediv.

Il-Qorti semgħet kif fl-24 ta’ Ottubru, għall-ħabta tal-4.30 p.m., uffiċjal tal-pulizija kienu esegwew mandat ta’ tfittxija fil-karozza ta’ Mifsud. 

“Il-karozza Toyota Funcargo ġiet iċċirkondata fi Triq Oscar Zammit, l-Imsida. L-imputat kien arrestat u kkopera mal-pulizija,” qalet il-Prosekuzzjoni.

Il-Pulizija kienet staqsiet lir-raġel jekk kienx qed iġorr xi ħaġa illegali, u r-raġel għamel sinjal b’rasu lejn basket li kien fuq is-seat tal-passiġġier.  B’kollox instabu 102 kapsuli ta’ droga suspettata kokaina. 

Fil-ħanut tar-raġel fil-Marsa nstabu 14-il kapsula oħra. Skont il-Pulizija nstabu total ta’ 1.2 kilogramma droga, b’valur fit-triq ta’ madwar €95,000. 

L-Avukat Matthew Xuereb, li deher għal Mifsud, informa lill-Qorti li l-klijent tiegħu kien se jwieġeb mhux ħati tal-akkużi. F’dan l-istadju, ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest, bl-imputat jinżamm taħt arrest preventiv. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Jonathan Pace, John Leigh Howard u Lianne Bonello. 

Sport