“Ġie kkonfermat li s-sussidji li hemm għaddejjin bħalissa se jibqgħu fis-seħħ u hemm ukoll assigurazzjoni li dawn se jibqgħu sakemm ikun hemm bżonn. Dan jagħtina serħan il-moħħ.” Hekk iddikjarat il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tan-Negozji Medji u Żgħar (SMEs), Abigail Agius Mamo, wara li lbieraħ filgħaxija ġie ppreżentat il-Baġit għas-sena 2024. Hija żiedet punt ieħor importanti li huwa dak tal-kundizzjoni u d-direzzjoni ekonomika li se jieħu l-Gvern, kif ukoll kif se jiġġeddu s-setturi.
“Innotajna wkoll li hemm strateġija pjuttost ċara, b’setturi identifikati, fejn se jkun hemm sforz biex jinbnew u nkomplu nsostnu lil dawn is-setturi fosthom b’inċentivi,” kompliet Aguis Mamo. Fir-rigward hija qalet li però, ħafna minn dawn is-setturi huma investimenti barranin ta’ livell għoli li ma jirriflettux in-negożji Matin u n-negozji tradizzjonali li għandna lokalment.
Il-Kamra temmen li hemm spazju għal dawn is-setturi kollha fl-ekonomija li rridu naraw ‘il quddiem. Agius Mamo nsitiet li dawn is-setturi jridu jiġġeddu u jgħaddu wkoll minn ammont ta’ tibdiliet. “Għaldaqstant, jekk mhux se jkun hemm strateġija b’saħħitha bl-istess mod biex naraw li dawn is-setturi nwassluhom fejn irridu nwassluhom, mhux se jkollna sistema effettiva jew inkella, l-ekonomija se tinqasam u jiżdied id-distakk bejn dawk is-setturi li rridu nimbottaw – dawk li huma ċċelebrati iżjed – u dawk is-setturi li qisna neħduhom għal mogħtija għax ilhom hemmhekk u qegħdin hemmhekk”.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-SMEs, Abigail Agius Mamo temmet tgħid li jl-istrateġija ekonomika għandha tinkludi lis-setturi kollha “għax is-setturi kollha jistgħu jagħtu valur miżjud fejn hemm minnhom diġà rnexxielhom. Min-naħa tagħna rridu naraw li jkollna aktar minn dawn is-setturi”.