Il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex tippubblika l-proposti tagħha għall-Baġit 2027 bl-isem ‘Budget 2027: From Commitment to Implementation’

Aqra wkoll

Il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex ippubblikat il-proposti tagħha għall-Baġit 2027, bit-titlu ‘Budget 2027: From Commitment to Implementation’. Bħala l-ewwel baġit tal-leġiżlatura lġdida, il-Kamra tisħaq li l-enfasi għandha issa tgħaddi mill-identifikazzjoni tal-isfidi strutturali u t-teħid ta’ impenn politiku, għal proċessi kredibbli ta’ implimentazzjoni li jwasslu għal riżultati konkreti għal Għawdex.

Għadd ta’ proposti u objettivi li l-Kamra ressqet matul dawn l-aħħar snin issa jinsabu riflessi, kompletament jew parzjalment, fil-programm tal-Gvern għal-leġiżlatura l-ġdida. Filwaqt li lKamra tilqa’ b’sodisfazzjon dan il-pass, dan ifisser ukoll li l-Baġit 2027 għandu jiffoka fuq ittwettiq tal-impenji permezz ta’ programmi ċari, responsabbiltà istituzzjonali, riżorsi adegwati, pjanijiet fuq medda ta’ żmien realistiċi u miri li jistgħu jitkejlu.

Id-dokument jidentifika tmien prijoritajiet ewlenin għall-Baġit 2027: 

• Reġjonalità – issir valutazzjoni bbażata fuq l-evidenza ta’ mudelli alternattivi ta’ governanza u jitfassal pjan strateġiku għall-eżerċizzju progressiv ta’ devoluzzjoni ta’ responsabbiltajiet u poteri lill-entita’ reġjonali awtonoma. 

• Il-Port tal-Imġarr – tiġi ffinanzjata l-espansjoni u t-tħejjija tal-port għall-ħtiġijiet futuri, li għandhom ikunu allinjati mar-rekwiżiti tal-flotta tal-vapuri preżenti u futura. 

• Logistics Hub – l-impenn tal-Gvern għandu jgħaddi mill-kunċett għallimplimentazzjoni, billi jiġu identifikati: l-lokalità, l-funzjonijiet, il-mudell ta’ governanza, finanzjament u konnessjoni mal-Port tal-Imġarr. 

• Innovazzjoni u Intrapriża – il-Gozo Innovation Hub għandu jiġi rippożizzjonat bħala lpunt ċentrali ta’ ekosistema usa’, filwaqt li jiġu implimentati miżuri oħra li għandhom iwasslu għall-iżvilupp ta’ din l-eko Sistema. 

• Ir-Rural Airfield u l-Konnettività bl-Ajru – tingħata allokazzjoni kapitali annwali realistika u tibda l-implimentazzjoni tal-proġett tal-Gozo Rural Airfield. 

• Servizzi Finanzjarji u Professjonali – tiġi introdotta preżenza regolari pilota tal-MFSA f’Għawdex u tiġi żviluppata proposta koordinata biex jiġu attirati entitatijiet f’dan issettur li jistgħu iħallu verament valur miżjud f’Għawdex 

• Ħiliet u Talent – jiġi implimentat l-appoġġ għat-titjib tal-ħiliet tal-impjegati, it-taħriġ jiġi allinjat mal-prijoritajiet ekonomiċi ta’ Għawdex u l-Youth4Entrepreneurship jiġi żviluppat f’pjattaforma għall-intraprenditorija taż-żgħażagħ, li tagħtihom verament lgħodod biex jimplimentaw l-idejat tagħhom. 

• Negozji Eżistenti – tiġi estiża l-assistenza għat-trasport, jissaħħaħ l-appoġġ dirett għad-diġitalizzazzjoni u l-produttività, u tiġi implimentata l-faċilità proposta fil-Belt Valletta għan-negozji bbażati f’Għawdex. 

Il-Kamra tisħaq li dawn il-prijoritajiet huma marbuta ma’ xulxin u m’għandhomx jiġu trattati bħala miżuri iżolati. Governanza reġjonali aktar b’saħħitha, infrastruttura strateġika, konnettività, loġistika, diversifikazzjoni, ħiliet u appoġġ għan-negozji eżistenti għandhom jiffurmaw parti minn qafas wieħed, koerenti u bbażat fuq il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ Għawdex. 

L-implimentazzjoni għandha tkun imsejsa wkoll fuq teħid ta’ deċiżjonijiet trasparenti, responsabbiltà ċara, kriterji oġġettivi u konsultazzjoni effettiva. L-inklużjoni ta’ ħafna minn dawn il-miżuri, li ġa’ kienu ġew proposti mill-Kamra, fil-manifest elettorali tal-Gvern preżenti, jagħmel minnhom inizjattivi li fuqhom hemm impenn ċar. Għalhekk dawn għandhom ikunu lqofol tad-direzzjoni strateġika tal-Gvern għal din il-leġislatura f’Għawdex.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport