Monday, January 6, 2025

IL-KANAL TAL-PANAMA

Aqra wkoll

Il-kumment li għamel dan l-aħħar Donald Trump dwar li jkun lest bħala President tal-Istati Uniti li jerġa’ jieħu kontroll fuq il-kanal tal-Panama fakkar kif l-isem ta’ dal-pajjiż hu marbut ma’ stejjer usa’ minn dawk tal-karti tal-Panama. Smajna ħafna dwar tal-aħħar għax kixfu ħafna skandli.

Għal deċennji twal, il-Panama bħala pajjiż kienet taħt it-tutela tal-Amerikani. Huma mbuttaw biex ir-reġjun li minnu jgħaddi l-kanal li jgħaqqad il-lvant u l-punent tal-kontinenti Amerikani, jinqata mill-Kolombja u jsir indipendenti. Spiċċa bil-kanal – li jaqsmu min-nofs – taħt il-kontroll militari sovran tal-Istati Uniti. Fl-aħħar, ċedew dal-kontroll favur l-istat tal-Panama taħt kondizzjonijiet strinġenti fi żmien il-presidenza ta’ Jimmy Carter.

F’parti sostanzjali mill-establishment Amerikan baqgħet il-fehma li l-Panama kellha ssegwi l-interessi Amerikani. Inkella… Hemm ħafna fi ħdanu li jaqblu jew se jaqblu mal-“kumment” ta’ Trump. Fil-mod kif jitqiesu l-pajjiżi ġirien, dan ftit hu differenti minn kif ir-Russia ta’ Putin tqis il-ġirien tagħha.

KOMPETITTIVITÀ U BUROKRAZIJA

Id-diskors politiku dwar li l-Unjoni Ewropea għandha tilqa’ għall-isfidi politiċi u ekonomiċi tat-tieni kwart ta’ das-seklu, qed jisħaq ħafna fuq il-ħtieġa li titkabbar il-ħila kompetittiva tal-ekonomija Ewropea u titqasqas il-burokrazija. Rapporti mressqa s-sena li għaddiet mill-eks-Prim Ministri Taljani Letta u Draghi enfasizzaw ħafna dawn il-miri.

Biss uħud fuq ix-xellug (naħseb bir-raġun) qed iżommu seba’ għajnejn dwar kif se jitwettqu dawn il-miri. Titjib fil-kompetittività jista’ jinftiehem u jiddaħħal bħala ħidma biex titnaqqas il-protezzjoni soċjali neċessarja skont normi Ewropej, billi titqies bħala fattur li jkompli jżid fl-ispiża ta’ operat tal-impriżi.

Kulħadd jaqbel li l-burokrazija żejda għandha titneħħa. Madankollu, hemm min jibża’, mhux bla raġun, li dan jista’ jintuża bħala skuża biex titnaqqas il-protezzjoni kontra fost oħrajn, abbużi fil-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tal-minoranzi fl-Ewropa u barra minnha.

IL-MAGAZINE ENCOUNTER

Għal dawk li għandhom memorja twila kien hemm xi ħaġa familjari fl-informazzjoni li ħarġet dan l-aħħar dwar l-OCCRP. Ġie żvelat kif din l-hekk imsejħa koperattiva internazzjonali ta’ ġurnalisti biex jirrapportaw dwar il-kriminalità u l-korruzzjoni hi finanzjata bil-kbir mill-gvern Amerikan u topera taħt kundizzjonijiet issettjati mill-Istati Uniti.

Fis-snin 50 u 60 tas-seklu l-ieħor, magazine influwenti ħafna fil-kultura, l-arti u l-letteratura, kien Encounter, bl-editur tiegħu Stephen Spender poeta u kittieb ta’ stoffa. Bla dubju l-kwalità tal-magazine kienet eċċezzjonali. Kien jinqara minn bosta waqt li joħloq kuntatti mifruxa bejn intellettwali, kittieba u artisti fl-Ewropa u lil hinn minnha.

Imbagħad ġie żvelat li Encounter kien sussidjat bil-qawwi mis-CIA. Spender insista li ma kien jaf b’xejn u rriżenja. Il-magazine ikkrolla.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport