Tuesday, March 11, 2025

Il-kandidat tal-lemin estrem Rumen ma jitħalliex jikkontesta l-elezzjoni

Aqra wkoll

Il-politiku populist tal-lemin estrem tar-Rumanija, Calin Georgescu ġie pprojbit mill-Uffiċċju Elettorali Ċntrali (BEC) tal-pajjiż milli jikkontesta l-elezzjoni presidenzjali ta’ Mejju li ġej. Il-projbizzjoni tiegħu wasslet għal ġlied qalil bejn il-partitarji tiegħu u l-pulizija.

Is-sena l-oħra, il-qorti kostituzzjonali tar-Rumanija annullat l-ewwel rawnd tal-vot ta’ Novembru – li fih Calin Georgescu ġie l-ewwel – wara li l-intelliġenza żvelat li r-Russja kienet involuta f’aktar minn 800 kont ta’ sostenn għal Georgescu fuq il-midja soċjali.

Il-BEC ċaħdet il-kandidatura tiegħu nhar il-Ħadd, għar-raġuni li “ma ssodisfax il-kundizzjonijiet tal-legalità”, peress li “kiser l-obbligu li jiddefendi d-demokrazija”. Huwa ngħata 24 siegħa mill-verdett tal-Ħadd biex iressaq appell uffiċjali lill-ogħla qorti, li għandha toħroġ deċiżjoni fi żmien 72 siegħa.

F’post fuq il-midja soċjali, Georgescu sejjaħ il-projbizzjoni tal-BEC bħala “daqqa diretta għall-qalba tad-demokrazija madwar id-dinja”.

Fil-ġlied li nqala, ġie sparat il-gass tad-dmugħ fuq partitarji ta’ Georgescu hekk kif faqqgħet il-vjolenza bejnhom u l-pulizija waqt li eluf ta’ partitarji nġabru barra l-uffiċċji tal-BEC fil-kapitali Bukarest. Fl-irvell ingħataw in-nar xi karozzi u t-twieqi ġew imkissra. Mill-inqas erba’ persuni nżammu arrestati.

Filwaqt li bosta mid-dimostranti telqu minn fuq il-post, diversi mijiet ta’ nies komplew jiġġieldu mal-pulizija tal-irvellijiet, li ġabu rinforzi u ppruvaw jiċċirkondaw u jagħlqu ż-żona.

Fis-26 ta’ Frar, Georgescu kien arrestat waqt li kien sejjer jirreġistra bħala kandidat fl-elezzjoni tas-sajf, u dan wassal biex għexieren ta’ eluf ta’ Rumeni jinżlu fit-toroq ta’ Bukarest bi protesta.

Huwa kien mixli li pprova jwaqqa’ l-ordni kostituzzjonali u li kien imsieħeb f’organizzazzjoni neo-faxxista. Huwa ċaħad dawn l-akkużi.

Is-suċċess għall-popolarità għall-għarrieda tiegħu kienet il-wegħda li għamel li jirrestawra d-dinjità tar-Rumanija u jtemm ir-rabtiet ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi n-Nato u l-Unjoni Ewropea.

Qabel l-annullament tal-ewwel rawnd tas-sena l-oħra, Georgescu, politiku favur ir-Russja, qal li jtemm kull appoġġ għall-Ukrajna jekk jiġi elett. Huwa sab ukoll appoġġ mill-amministrazzjoni Trump.

Ix-xahar li għadda, il-Viċi President tal-Istati Uniti JD Vance akkuża lir-Rumanija li annullat l-elezzjonijiet abbażi ta “suspetti żgħar” tal-intelligence Rumena u l-pressjoni mill-ġirien tagħha.

Intant, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Rumen Emil Hurezeanu akkuża lil Elon Musk b’“indħil” fl-elezzjonijiet tar-Rumanija, wara li l-biljunarju tella’ diversi messaġġi ta’ appoġġ għal Georgescu.

Calin Georgescu, kandidat indipendenti bi sfond nazzjonalista estrem kien ħasad lir-Rumanija u allarma lill-alleati tagħha meta rebaħ l-ewwel rawnd inizjali tal-elezzjonijiet presidenzjali.

Għandu 62 sena u huwa espert dwar l-iżvilupp sostenibbli u l-agrikoltura. Huwa mgħandux partit tiegħu, iżda ġej minn sfond fil-moviment nazzjonalista tal-Alleanza għall-Unjoni tar-Rumeni (AUR).

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport