Studju li sar fuq medda ta’ ħames snin, bejn l-2015 u l-2020 wera li l-iktar droga użata miż-żgħażagħ Maltin hija l-kannabis. L-istess riċerka wriet wkoll li d-drogi sintetiċi bħal sustanzi psikoattivi, l-eroina, il-kokaina u l-ecstacy huma wkoll komuni fost il-ġenerazzjoni zagħżugħa. Dan il-fatt m’huwa xejn differenti minn dak ta’pajjiżi oħra.
Irriżulta wkoll li f’pajjiżna, id-drogi psikotropiċi, bħal kalmanti u dipressanti huma l-aktar mediċini bi preskrizzjoni użati fost il-persuni fl-età minn 35 sena ‘l fuq. Dawn il-mediċini huma ħafna aktar komuni fost l-irġiel milli fost in-nisa iżda fl-istesswaqt dan ix-xenarju huwa bil-maqlub fir-rigward tal-użu ħażin tal-mediċini bir-riċetta.
Mill-perspettiva tal-ġudikatura u l-infurzar tal-liġi, huwa ċar li tul is-snin l-isforzi ta’ dawn kienu biex inaqqsu kemm jista jkun il-provvista tad-droga billi jipprevjenu t-traffikar tad-droga lejn il-gżejjer Maltin. Għan ieħor ukoll huwa ż-żarmar ta’ organizzazzjonijiet kriminali tad-droga u l-konfiska tal-assi tagħhom.
Dan kollu huwa rifless fin-numru ta’ qabdiet matul is-snin li prinċipalment għandhom x’jaqsmu mal-kokaina u l-kannabis u jinkludu l-qabdiet kbar waqt spezzjonijiet ta’ containers li jgħaddu mill-port. Bħala tali matul is-snin, il-ksur tal-liġi tad-droga kien f’medja ta’ madwar 500 kull sena li 75% minnhom kienu relatati mal-pussess filwaqt li 25% kienu għat-traffikar.
Fil-kuntest ta’ dan kollu, reati relatati mal-pussess ta’ ammonti żgħar ta’ drogi illeċiti għall-użu personali, il-fehma tal-gvern kienet li jgħin lil dawn l-individwi u mhux jikkastigahom kif jidher mill-Att tal-2015. Sabiex jintlaħaq dan il-għan kienet saret bidla sinifikanti kbira fil-liġijiet tad-droga li rriżultat fl-implimentazzjoni tal-liġi dwar it-Trattament u Mhux Priġunerija li kienet adottata fl-2014.
Fil-qafas ta’ dan kollu, il-Gvern ħass il-ħtieġa li jaġġorna l-politika nazzjonali dwar id-drogi li primarjament timmira li tilqa’ għall-problema tal-użu tad-drogi u l-ħsarat li jirriżultaw minnhom speċjalment fost dawk l-aktar f’riskju bħal żgħażagħ, nisa, adulti, priġunieri u tfal li jiffaċċjaw stigma u diskriminazzjoni akbar b’riżultat tal-vizzju tagħhom tad-droga.
Min-naħa l-oħra, l-politika ġdida aġġornata, li dwarha tnediet konsultazzjoni pubblika fuq medda ta’ ħames ġimngħat, se tirrispetta wkoll l-aspetti fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem fis-sens li dawk li huma maħkuma mill-vizzju tad-droga m’humiex kriminali u għandhom jingħataw aċċess għal interventi meħtieġa biex tiġi evitata l-problema tad-droga tagħhom.
Se tagħti attenzjoni wkoll lid-dimensjoni tal-ġeneru peress li l-użu tas-sustanzi esperjenzati mill-irġiel u n-nisa mhumiex l-istess u għalhekk għandhom jiġu ttrattati kif xieraq.