Tuesday, May 14, 2024

Imfakkar l-44 anniversarju ta’ Malta ħielsa

Aqra wkoll

Malta llum tiċċelebra l-44 anniversarju mill-kisba tal-ħelsien u mill-jum li fih saret uffiċjalment stat sovran. Kien proprju fil-31 ta’ Marzu 1979 meta telqu l-aħħar bastimenti Ingliżi minn pajjiżna u Malta ma baqgħetx tintuża bħala bażi militari Ingliża. 

Fl-okkażjoni ta’ dan il-jum storiku, Festivals Malta, permezz tal-Kumitat Festi Nazzjonali, qed jorganizza programm ta’ attivitajiet sabiex jiġi mfakkar dan il-jum. 

Iċ-ċelebrazzjonijiet bdew dalgħodu b’marċ mill-Banda tal-Forzi Armati minn Pjazza Gavino Gulia minn Triq ix-Xatt ta’ Bormla sal-Monument tal-Ħelsien fil-Birgu. 

Għal din iċ-ċerimonja, permezz tal-Banda tal-Forzi Armati flimkien mal-Gwardja tal-Unur,  ġew milqugħin l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż fosthom il-President ta’ Malta George Vella, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Whip tal-Partit Nazzjonalista Robert Cutajar. 

Iċ-ċerimonja fuq l-għolja tal-Ħelsien rat lill-President jingħata s-salut nazzjonali. Wara, l-ogħla awtoritajiet flimkien telgħu l-għolja tal-Ħelsien fejn il-Banda tal-Forzi Armati eżegwiet l-Innu tal-Ħelsien. Wara ndaqqet il-fanfarra u tpoġġew il-fjuri mal-monument. Iċ-ċerimonja ġiet fi tmiemha bid-daqq tal-innu nazzjonali. 

Waranofsinhar se jingħata bidu għar-regatta tradizzjonali fil-Port il-Kbir, organizzata mill-Għaqda Regatta Nazzjonali bil-għajnuna ta’ SportMalta.

Iċ-ċelebrazzjonijiet ikomplu għada fejn se ssir parata mill-Banda tal-Forzi Armati tul Triq ir-Repubblika u tintemm fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta. 

Sport