Saturday, November 23, 2024

Il-Kap epidemologu Żvediż jammetti li saru żbalji fil-mod kif pajjiżu ffaċċja l-Coronavirus

Aqra wkoll

Minn MELVIN FARRUGIA

Il-kap epidemologu tal-Iżvezja, Anders Tegnell qal fuq radju Żvediż li pajjiżu seta’ ffaċċja l-pandemija tal-Coronavirus b’modi differenti, li forsi setgħu kienu aħjar. 

Qal dan minkejja li aktar kmieni kien faħħar ħafna l-mod kif l-Iżvezja użat politiki liberali dwar il-lockdown. Issa qed jirrikonoxxi li wisq nies mietu bil-COVID-19 biex jiġġustifikaw l-approċċ wisq merħi dwar il-pandemija. 

Għaldaqstant, hu qal li kieku kellhom jerġgħu jiffaċċjaw din il-marda mill-ġdid, din id-darba jiffaċċjaw fit-triq tan-nofs bejn dak li għamlet l-Iżvezja u dak li sar mill-kumplament tad-dinja. 

Dawn il-kummenti kienu ta’ sorpriża, peress li kellu kritika ħarxa lejn dawk il-pajjiżi li imponew restrizzjonijiet ħorox fil-ħajja pubblika. Qal li fil-mod li bih l-Iżvezja ffaċċjat din il-pandemija hemm lok ta’ titjib u għalhekk qal li jkun tajjeb jekk isir magħruf eżatt x’irid jingħalaq biex ma jkomplix t-tixrid tal-virus. 

Min-naħa l-oħra, Tegnell qal li l-Iżvezja kienet wieħed mill-ftit pajjiżi li ħadmu fuq waqfien gradwali. Qal li ħafna pajjiżi bdew b’ħafna affarijiet f’daqqa u l-problema b’dan kienet li ma tkunx taf liema mill-miżuri qed ikollhom l-aqwa effett.

Sport