Saturday, June 21, 2025

Il-Kap tal-Oppożizzjoni tal-Irlanda żżur il-GWU

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Oppożizzjoni tal-Irlanda Mary Lou McDonald ilbieraħ waranofsinhar ingħatat tagħrif dwar kif taħdem is-sistema tar-relazzjonijiet industrijali f’Malta partikolarment il-ftehim kollettiv. Dan sar waqt żjara li hija għamlet fil-Workers’ Memorial Building, il-Belt Valletta, fejn ġiet milqugħa mis-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja flimkien mad-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri.

Matul il-laqgħa, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU fisser kemm qiegħda taħdem il-union għall-ġid tal-ħaddiema f’oqsma differenti fosthom dwar il-ħaddiema tal-pjattaforma u sabiex ma jkunx hemm ebda abbuż jew sfruttament tal-ħaddiema. Huwa rrefera wkoll għat-talba li ilha tagħmel il-GWU għal sħubija awtomatika fi trade union tal-għażla tal-ħaddiema filwaqt li tkellem dwar kif id-djalogu soċjali f’pajjiżna huwa wieħed b’saħħtu.

Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Oppożizzjoni tal-Irlanda kien hemm ukoll Declan Kearney – International Secretary & National Chairman u Stephen McGlade – Deputy Chief of Staff. Preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Laburista John Grech.

Aktar qabel, is-Sinjura McDonald kellha l-okkażjoni li tiltaqa’ mal-uffiċjali tal-amministrazzjoni tal-Partit Laburista fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Din iż-żjara, qal is-Segretarju Internazzjonali tal-PL, immarkat pass importanti fir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ partiti partikolarment fl-impenn komuni li nkomplu nħaddmu lejn bidla progressiva madwar l-Ewropa. Huwa sostna li l-ftehim ta’ kollaborazzjoni li ffirmaw bejniethom mhuwiex biss ġest ta’ solidarjetà bejn żewġ partiti politiċi b’viżjoni simili, iżda se jwassal għal qafas konkret ta’ azzjonijiet.

“It-temi diskussi huma ta’ prijorità kemm għal Malta kif ukoll għall-Irlanda, u permezz tal-qsim ta’ prattiki tajbin u strateġiji, nistgħu nsaħħu l-aġendi tagħna u fl-istess ħin ninfluwenzaw id-diskors Ewropew. Iż-żewġ partiti jemmnu li għandu jkun hemm impenn lejn soċjetà aktar ġusta, b’tisħiħ tal-kapaċità kollettiva fil-fora Ewropej, fejn tingħata vuċi lill-ħaddiema, lill-familji u lill-komunitajiet tagħna,” tenna s-Sur Grech.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport