Monday, November 4, 2024

Il-Kap tal-Oppożizzjoni tal-Veneżwela jitlaq mill-pajjiż biex ifittex ażil fi Spanja

Aqra wkoll

Il-Gvern tal-Veneżwela ħabbar li l-kandidat presidenzjali tal-oppożizzjoni Edmundo González telaq mill-pajjiż biex ifittex ażil fi Spanja.

González kien ilu moħbi għal dawn l-aħħar jiem u sussegwentement inħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront tiegħu wara li l-oppożizzjoni kkontestat ir-riżultat tal-elezzjoni presidenzjali. Elezzjoni li saret f’Lulju li għadda, bil-Kunsill Nazzjonali Elettorali – li huwa kkontrollat mill-Gvern tal-pajjiż – jiddikjara lil Nicolás Maduro bħala r-rebbieħ.

Sadanittant, il-Viċi President tal-Veneżwela Delcy Rodríguez qalet f’kitba fuq il-midja soċjali li wara li fittex kenn “b’mod volontarju” fl-ambaxxata Spanjola f’Caracas, González talab lill-Gvern Spanjol għall-ażil.

Hija żiedet tgħid li kien hemm ukoll qbil sabiex huwa jitlaq b’mod sigur u fil-fatt kien telaq mill-pajjiż.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin ta’ Spanja José Manuel Albares qal li González telaq mill-pajjiż talba tiegħu stess, u vvjaġġa b’ajruplan tal-Forza tal-Ajru Spanjola. Żied jgħid li l-Gvern Spanjol huwa impenjat għad-drittijiet politiċi tal-Veneżwelani kollha.

Sport