Sunday, December 22, 2024

Il-Karnival b’verżjoni ridotta bejn il-25 ta’ Frar u l-1 ta’ Marzu

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Hon. José Herrera sostna li “l-Karnival huwa wieħed mill-pilastri ewlenin fil-kalendarju kulturali Malti.  Wieħed ma’ setax ma jħossx in-nuqqas tal-Karnival u t-talent tal-entużjasti u tad-dilettanti illi jagħtu il-maġġoranza tal-ħin tagħhom fil-preparazzjoni għal dan l-avveniment, li fiħ jiġbor numru ta’ talenti u ħiliet differenti.  Tul l-aħħar snin, waqt il-pandemija, l-Gvern ħa deċiżjonijiet responsabbli, u b’kawtela organizza attivitajiet li xorta fakkru dawn il-jiem tant sbieħ.  Imma konxjament nafu li dak li ġie mħejji qatt ma seta’ jikkompara mal-karnival tradizzjonali Malti li għalih jikkonkorru eluf ta’ Maltin u Għawdxin u kif ukoll barranin li jżuru lill-pajjiżna apposta għal dan l-avveniment.  Ġaladarba issa jidher li ser ikun hemm reviżjoni fil-miżuri, hekk kif tħabbar ftit tal-jiem ilu, flimkien ma’ Festivals Malta ser jiġi mħejji programm kulturali karnivalesk, li għal din is-sena biss ser jittella’ fl-20, 21, 22 ta’ Mejju 2022, biex b’hekk il-poplu Malti u Għawdxi jkun jista jgawdi dan l-avveniment li hu tant għal qalb il-kbar u ż-żgħar, b’mod responsabbli mal-miżuri relevanti f’dawk iż-żminijiet.”

Għaldaqstant Festivals Malta ħaseb biex xorta waħda jsiru attivitajiet marbuta mal-Karnival fil-jiem ta’ Frar, b’programm li jiċċelebra l-kreattivita` marbuta ma’ dan iż-żmien tant maħbub mill-komunita` Maltija.

 “Il-Karnival ta’ Malta huwa avveniment importanti għall-pajjiżna u Festivals Malta qed jirsisti biex il-Karnival jerġa jiġi iċċelebrat kif verament jistħoqqlu”, qalet Annabelle Stivala, il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta. 

“Tul dawn is-snin, Festivals Malta saħaq biex jippreserva d-drawwiet marbuta maż-żmien tal-Karnival filwaqt li jkompli jgħolli l-livell tiegħu. Għalkemm il-format tal-Karnival kellu jinbidel minħabba s-sitwazzjoni preżenti, Festivals Malta xorta waħda ħadem biex l-ispirtu tal-karnival jibqa’ jinħass minkejja l-isfidi li din il-pandemija ġabet magħha”, ikkonkludiet is-Sa. Stivala. 

Ic-Chairman ta’ Festivals Malta Norman Hamilton, saħaq dwar l-importanza tal-Karnival, li jagħmel parti mill-wirt storiku Malti, tkellem ukoll dwar ix-xogħol bla waqfien u l-investiment li Festivals Malta qed jagħmel għall-artisti f’diversi setturi tal-arti. “Festivals Malta kburi li baqa’ jinvesti fl-artisti lokali permezz ta’ diversi inizjattivi, bħall-workshops tal-Karnival li saru s-sajf li għadda u inizjattivi oħra bħall-ICOM Project, u ħafna aktarp”, ikkonkluda s-Sur Hamilton.

Id-Direttur Artistiku tal-Karnival, Jason Busuttil spjega li din is-sena il-programm tal-karnival ser jinkludi diversi stallazzjonijiet fit-toroq tal-Belt bejn il-25 u l-1 ta’ Marzu, esebizzjoni ta’ ritratti karnivaleski mill-fotografu Ġermaniż Frank Kirchner, ikkurata minn Antoine Farrugia, esebizzjoni mhux kompetittiva ta’ kostumi passati u produzzjoni teatrali live tal-Qarċilla kollha b’kollaborazzjoni ma’ Spazzju Kreattiv. Ser issir ukoll produzzjoni teatrali ta’ żfin, projections u attivitaijiet oħra għat-tfal organizzata mit-Teatru Manoel b’kollaborazzjoni mat-TOI TOI Collective u bis-sapport ta’ Festivals Malta. 

Il-Karnival ta’ Malta huwa organizzat minn Festivals Malta, b’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv u bis-sapport ta’ Kinnie u Mapfre MSV Life. Għal aktar informazzjoni dwar il-programm ta’ din is-sena żur www.festivals.mt

Ekonomija

Sport