Thursday, April 18, 2024

Putin, l-Ukrajna u l-Unjoni Sovjetika

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Bħalissa, għajnejn il-media internazzjonali qegħdin fuq dak li qiegħed jiġri fil-fruntiera ta’ bejn ir-Russja u l-Ukrajna. Dan wara li Vladimir Putin kompla jżid il-preżenza militari f’din iż-żona. L-ispettru tal-gwerra kompla kulma jmur jiżdied wara li l-President Russu bagħat kontinġent militari ieħor fil-fruntiera ta’ bejn il-Belarussja, li kif rajna f’diversi artikli oħra f’din il-paġna, huwa pajjiż ikkontrollat mill-Kremlin u l-istess Ukrajna. Din il-manuvra ta’ Putin qiegħda tiġi interpretata bħala mossa biex ir-Russja taqsam l-armata tal-Ukrajna fi tnejn biex tkun tista’ tilqa’ għal żewġ attakki Russi minn żewġ naħat differenti. 

Il-kriżi ta’ bejn ir-Russja u l-Ukrajna tefgħet fil-ġenb aħbar oħra fuq l-imġiba aggressiva ta’ Putin. Qegħdin nirreferu għall-intervent militari li għamlu truppi Russi ġewwa pajjiż ieħor li bħall-Ukrajna kien jagħmel parti mill-Unjoni Sovjetika, jiġifieri l-Każakhstan. Dan wara li Putin bagħat numru mdaqqas ta’ suldati minn tiegħu biex jgħinu lill-Kassim Tokayev, il-President tal-Każakhstan, jikkontrolla b’mod vjolenti diversi protesti li ġew organizzati f’dan il-pajjiż wara żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija. Dan sar wara talba għall-għajnuna mill-istess Tokayev.

Dan l-inċident tal-Każakhstan jista’ jgħin fl-analiżi ta’ x’hemm veru wara l-kriżi tal-Ukrajna ta’ bħalissa.

Ir-raġuni għall-mobilazzjoni skont Putin

Kif konna rajna f’artiklu ieħor preċedenti li kien deher ġewwa din il-paġna ftit tal-ġimgħat ilu, ir-raġuni uffiċjali li qiegħda ġġib ir-Russja għall-preżenza ta’ aktar minn 100,000 suldat Russu fuq il-fruntiera mal-Ukrajna hija li r-Russja qiegħda tħossha mhedda li l-Ukrajna tissieħeb man-NATO. Fid-diversi laqgħat diplomatiċi li saru f’dawn il-ġranet bejn il-gvern Russu u rappreżentanti tan-NATO, kif ukoll ma’ politiċi Amerikani u Ewropej, kompla jissaħħaħ is-suspett li r-Russja qiegħda titlob affarijiet li huma kważi impossibbli li jiġu aċċettati. Tant ir-Russja qiegħda tibgħat il-messaġġ li ma tridx tirranġa bil-kelma t-tajba din il-kriżi, li l-Ministru tal-Affarijiet Barranin qal li lanqas garanzija li l-Ukrajna tibqa’ barra minn NATO għall-20 sena li ġejjin mhi biżżejjed.

Ir-raġuni wara attakk militari Russu

Bħalissa kulħadd qiegħed jipprova jara x’inhi l-intenzjoni aħħarija ta’ Putin vis-a vis l-Ukrajna. Hemm min qiegħed jgħid li Putin qiegħed biss jibblaffja biex jieħu xi konċessjonijiet mill-pajjiżi tal-Punent. 

Oħrajn qegħdin jaraw attakk militari fuq skala kbira intenzjonat biex iwaqqa’ l-gvern prezenti tal-Ukrajna u minflok jitfa’ gvern leali lejn Moska. Attakk ta’ din ix-xorta jaf johloq l-akbar gwerra ġewwa l-Ewropa mit-Tieni Gwerra Dinjija l-hawn. Kemm-il darba dan l-attakk ikun ta’ success ghar-Russja, dan ikun ifisser l-ewwel tneħħija b’intervent militari ta’ gvern elett demokratikament ġewwa l-Ewropa mit-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija sal-ġurnata tal-lum. Però, iċ-ċansijiet li Putin imur għal dan ix-xenarju huma pjuttost remoti ghalhiex gwerra ta’ din ix-xorta taf tiehu hafna zmien u taf tissarrah f’ħafna mwiet ta’ suldati Russi. 

Fuq kollox, bejn ir-Russi u l-Ukrajeni hemm ħafna taħlit ta’ familji u allura l-qtil ta’ numru kbir ta’ Ukrajni żgur mhuwiex sejjer jinżel tajjeb maċ-ċittadini Russi. Ħaġa oħra li naturalment taf tikkonvinci lil Putin biex ma jmurx għall-invażjoni totali tal-Ukrajna hija li ovvjament kemm-il darba Putin jinvadi l-Ukrajna, il-pajjiżi tal-punent sejrin jimponu ħafna aktar sanzjonijiet ħorox li jafu jsallbu lill-banek Russi kif ukoll lill-kumpaniji fil-qasam tat-teknoloġija, minħabba li l-Istati Uniti diġà ħabbret li qiegħda tikkonsidra li twaqqaf l-bejgħ lill-kumpaniji Russi ta’ apparat teknoloġiku Amerikan. Aktar sanzjonijiet jafu jdawru lil ħafna nies sinjuruni Russi kontra Putin minħabba li dawn jafu jkollhom xi sanzjonijiet fuq xi tranżazzjonijiet internazzjonali li jagħmlu. Fuq kollox, in-nies komuni sejrin jaraw aktar tnaqqis fil-livell tal-għajxien tagħhom li ilu li qabad it-triq tan-niżla għa; dawn l-aħħar seba’ snin.

Hemm ukoll xi esperti tal-politika ta’ dan ir-reġjun li qegħdin jgħidu li l-intenzjoni ta’ Putin hija li jieħu taħt idejh xi territorji ġewwa l-Lvant tal-Ukrajna biex jgħaqqad lill-Krimea, territorju li l-istess Putin kien ħa mill-Ukrajna lura fl-2014, mar-Russja. Naturalment, dan ix-xenarju jaf ikun aktar attraenti għal Putin għaliex permezz tiegħu Putin ikollu l-opportunità li jittestja r-reazzjoni tal-pajjiżi tal-punent u anke tan-nies tiegħu. 

Putin, li huwa wieħed mill-akbar strateġisti politiċi ta’ żminijietna, jaf li l-pajjiżi tal-punent jafu jagħlqu għajn waħda għall-invażjoni ta’ territorju żgħir minħabba li ħafna minnhom ghandhom kull interess li jżommu relazzjoni tajba mal-Kremlin. Naturalment, fuq quddiem nett tal-pajjiżi li sejrin jaħsbuha darbtnejn qabel jiġġieldu ma Putin hemm il-Ġermanja li għandha ftehim mat-Russja għax-xiri tal-gass naturali.

Min isegwi l-politika Russa jaf li aktar ma qiegħed jgħaddi ż-żmien, Putin qiegħed inaqqas l-interess fl-immaniġġjar tal-politika domestika u qiegħed jikkonċentra aktar fuq dik internazzjonali. L-indħil dirett tiegħu f’pajjiżi ġirien li kollha kemm huma ħarġu mill-Unjoni Sovjetika, pajjiżi fost oħrajn li jinkludu lill-Belarussja, lill-Ġorġja u l-Kazakistan juri biċ-ċar li Putin qiegħed jara xi forma ta’ vantaġġ għalih b’dan l-atteġġjament ferm perikoluż tiegħu. 

Bħalissa, il-popolarità ta’ Putin fost iċ-ċittadini Russi qabdet it-triq tan-niżla. Putin jaf li l-unika arma li biha jista’ jżomm lill-poplu kwiet hija dik tal-patrijottiżmu li l-poplu Russu huwa tant magħruf għalih. Huwa sentiment komuni fost ir-Russi li pajjiżhom tilef ħafna mill-prestiġju tiegħu minn meta ġiet fi tmiemha l-Unjoni Sovjetika. Huwa proprju għalhekk li Putin qiegħed jiddedika ħafna enerġija fuq dawn l-interventi ġewwa pajjiżi oħra għaliex b’dan il-mod qiegħed jibgħat il-messaġġ liċ-ċittadini Russi li Moska għadha d-de-factum mexxej tal-pajjiżi li kienu jiffurmaw l-Unjoni Sovjetika.

Ekonomija

Sport