Monday, June 2, 2025

Il-karozzella tal-Gran Mastru rrestawrata u lura għall-wiri fil-Palazz

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Tlesta x-xogħol ta’ restawr fuq il-karozzella tal-Gran Mastru u din il-karozzella issa qed terġa’ tifforma parti mill-esperjenza tal-viżitatur fil-Palazz tal-Gran Mastru, il-Belt Valletta.

Fl-aħħar xhur, il-karozzella tal-Gran Mastru—vettura Franċiża tat-tip Berline mill-aħħar tas-seklu 18—kienet qed tiġi rrestawrata minn tim dedikat ta’ konservaturi fil-Palazz tal-Gran Mastru. Huma indirizzaw sinjali ta’ degradazzjoni fil-materjali tagħha, mill-injam u l-ħadid sad-drapp u l-ġilda, filwaqt li ppreservaw in-narrattiva għanja li toffri.

Fl-inawgurazzjoni tal-karozzellar rrestawrata, il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici faħħar il-ħidma mwettqa biex  il-wirt storiku tagħna jingħata l-ġieħ li jistħoqqlu u rringrazzja lill-Fondazzjoni Eden Leisure talli ffinanzjat dan ix-xogħol.

“Il-karozzella issa tinsab esebita b’mod permanenti, bħala mezz ta’ edukazzjoni u ispirazzjoni. Dan huwa eżempju ċar ta’ kif nistgħu nieħdu ħsieb il-passat, waqt li nibqgħu ngħożżu l-identità tagħna bħala poplu,” temm jgħid il-Ministru Owen Bonnici.

Noel Zammit, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, saħaq li: “Ir-restawr ta’ dan l-artefatt, iffinanzjat b’mod ġeneruż mill-Fondazzjoni Eden Leisure, imur ferm lil hinn minn dak li hu tanġibbli. Huwa xogħol li jippreserva l-ġrajja li tirrakkonta l-karozzella bla ma titkellem. Din hi parti importanti mill-missjoni ta’ Heritage Malta – li twassal l-istorja ta’ kull artefatt b’mod li jinftiehem minn kulħadd, biex il-vjaġġ twil li dak l-oġġett għamel sakemm wasal għandna jibqa’ jiġi apprezzat.”

Kate De Cesare, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Eden Leisure, qalet: “Il-Fondazzjoni hija kburija li appoġġjat ir-restawr sħiħ tal-karozzella tal-Gran Mastru. B’investiment ta’ €120,000, dan il-proġett jirrifletti l-impenn dejjiemi tagħna biex nippreservaw il-wirt kulturali Malti. Permezz ta’ finanzjament u kollaborazzjonijiet simili, nixtiequ li teżori bħal dawn jibqgħu apprezzati u aċċessibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri.”

Użata mill-aħħar żewġ Gran Mastri tal-Kavallieri ta’ Malta, Emmanuel de Rohan-Polduc u Ferdinand von Hompesch, iżda marbuta l-aktar ma’ dan tal-aħħar, il-karozzella oriġinarjament  kienet indurata u tinkludi ġewwieni tal-bellus aħdar. Hija rat bosta bidliet matul is-sekli – ewlenija fosthom iż-żieda ta’ erba’ immaġini ovali li jinkludu emblemi tar-Rivoluzzjoni Franċiża, matul il-ħakma qasira Franċiża tal-gżira. Storja popolari tirrakkonta li l-Gran Mastru kien bagħatha biex tittrasporta lil Napuljun Bonaparte, iżda dan irrifjuta li jirkeb fiha.

Il-karozzella issa ħadet postha mill-ġdid fil-wirja permanenti tal-Palazz tal-Gran Mastru, biswit l-istalel tal-Palazz, biex b’hekk se tkompli tkun għajn ta’ ispirazzjoni u edukazzjoni għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u tal-ġejjieni.

Dan l-intervent ta’ restawr jifforma parti mill-proġett akbar ta’ restawr tal-Palazz tal-Gran Mastru – l-aktar proġett ta’ konservazzjoni ambizzjuż ta’ Heritage Malta sal-lum  – li jmur lil hinn mir-restawr tal-binja biex jippreserva wkoll artefatti imprezzabbli bħall-karozzella tal-Gran Mastru, li jsaħħu s-sehem tal-Palazz bħala simbolu nazzjonali tal-identità Maltija.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport