Minn MELVIN FARRUGIA
Filwaqt li lbieraħ ġie rrapportat li l-każ ġdid ta’ COVID-19 ta’ LSE mill-iskola ta’ Ħal Luqa kien relatat mal-party Hotel Takeover, inewsmalta jinsab informat li din it-tfajla qatt ma attendiet għal dan il-party u ma kienx minn hemm li ħadet dan il-virus.
Fil-fatt, kienet proprju din it-tfajla li kkuntattjatna u spjegatilna li minkejja dak kollu li ntqal, hi qatt ma marret dan il-party. Spjegat li hi ma kellhiex sintomi u allura bl-ebda mod ma setgħet tkun taf li għandha l-virus. Qalet li kieku kellha s-sintomi, kieku kienet tagħmel it-test minn ħafna qabel biex tevita li toħloq xi problemi.
It-tfajla qaltilna li saret taf li għandha l-COVID-19 għax inzertat għamlet is-swab test b’kumbinazzjoni. Spjegat li t-tobba li qegħdin isegwu l-każ tagħha għadhom ma jafux eżatt minn fejn setgħet ħaditha, għalkemm qegħdin jipprovaw jagħmlu l-contact tracing biex jaraw min seta’ għaddielha l-virus.
Din l-LSE ħassitha xi ftit imweġġa’ li l-midja qalet li ħadet il-virus mill-White Party, peress li kien hemm diversi każi oħra li nstabu hemm. Għamlitha ċara li hi lanqas biss kienet hemm u allura żgur ma setgħetx ħaditha minn hemm.
Qaltilna li tant hu hekk li hi kienet xtaqet tagħmel dan it-test nhar il-Ġimgħa li għaddiet, iżda meta ċemplet il-111 qalulha biex tmur illum. L-LSE spjegatilhom li hi taħdem mat-tfal u għalhekk baqgħet tinsisti li jsirilha qabel ħalli żgur ikollha moħħha mistrieħ. Fil-fatt, imbagħad marret tagħmel it-test is-Sibt filgħodu l-Isptar Mater Dei biex tagħmlu aktar malajr.