Friday, December 20, 2024

Il-każ Kylian Mbappe: Il-president ta’ Ligue 1 iwieġeb lil dak ta’ La Liga

Aqra wkoll

Il-president tal-Ligue 1, Vincent Labrune, kiteb lil dak ta’ La Liga, Javier Tebas, dwar allegati ‘attakki’.

Labrune jgħid li l-attakki minn La Liga fuq il-ftehim il-ġdid ta’ Kylian Mbappe ma’ Paris St-Germain huma “inaċċettabbli”.

L-attakkant ta’ Franza, Mbappe, 23 sena, iffirma estensjoni ta’ tliet snin ta’ qliegħ massiv nhar is-Sibt li għadda, wara li kien imsemmi b’mod qawwi ma’ trasferiment ħieles ma’ Real Madrid.

La Liga sejħet l-offerta tal-kuntratt rappurtata ta’ PSG bħala “skandaluża”, iżda l-president ta’ Ligue 1 wieġeb b’rabja. Huwa qal: “F’dawn l-aħħar 10 snin, La Liga nefqet 32% aktar fuq players minn Ligue 1.”

PSG huma proprjetà ta’ Qatar Sports Investments, sussidjarja tal-Qatar Investment Authority (QIA), il-fond ta’ ġid sovran immexxi mill-istat tal-Qatar.

Bil-kuntratt ta’ Mbappe jispiċċa f’Ġunju, huma kienu ddisprati li jżommuh u lesti joffru salarju annwali nett ta’ £21 miljun.

La Liga ħabbret pjani biex tressaq ilment lill- UEFA kif ukoll lill-awtoritajiet Franċiżi u tal-Unjoni Ewropea wara li l-president Javier Tebas iddeskriva l-ftehim bħala “insult għall-football”.

Iżda f’ittra lil Tebas, Labrune żvela d-”diżapprovazzjoni u l-inkomprensjoni” tal-korp governattiv tal-football Franċiż għal dawn l-ilmenti. 

“L-attakki tiegħek fuq Ligue 1 u wieħed mill-clubs tagħna, Paris St-Germain, u wieħed mill-players tagħna, Kylian Mbappe, huma bbażati fuq l-interpretazzjoni tiegħek stess ta’ insostenibbiltà finanzjarja u żbilanċ kompetittiv, li inti ripetutament tattribwixxi lil Ligue 1 u lil wieħed mill-clubs tagħna,” huwa kiteb.

“Il-fatt li inti pubblikament u ripetutament tieħu din il-pożizzjoni kontra Ligue 1 dwar dan is-suġġett u tiċħad il-kampjonat tagħna u l-clubs tagħna huwa kemm inaċċettabbli kif ukoll manifestament falz.

“Tnejn mill-clubs tiegħek, Real Madrid u Barcelona, kisru għadd kbir ta’ rekords fl-aħħar 10 snin.

“F’termini ta’ tariffi ta’ trasferimenti, dawn iż-żewġ clubs kisru r-rekord dinji sitt darbiet. F’dak li għandu x’jaqsam mal-pagi tal-players, Real Madrid bħalissa għandhom tnejn mill-aktar players imħallsa fil-football mondjali li jpoġġu fuq il-bankina tagħhom.

“F’termini ta’ dejn, Barcelona huma rappurtati li għandhom livell ta’ dejn ta’ €1.5 biljuni, u dan minkejja li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja sabet li Real Madrid u Barcelona bbenefikaw minn għaj­nuna llegali mill-istat.”

Waqt li kien qed jitkellem nhar l-Erbgħa, il-president tal-UEFA, Aleksander Ceferin, qal lil BBC Sport li għandhom “regoli tal-Financial Fair Play li huma pjuttost stretti”.

“Kulmin se jirrispetta r-regoli tagħna huwa mistieden jilgħab fil-kompetizzjonijiet tagħna; min mhux se jirrispetta r-regoli le,” huwa qal.

“Mhux Real Madrid jew ħaddieħor se jgħidu lill-UEFA x’għandhom jagħmlu. Huma rrabjati minn perspettiva waħda u, sakemm naf jien, l-offerta tagħhom kienet simili għall-offerta ta-Pariġini.”

Ekonomija

Sport