Il-każ Lockerbie… ir-rabta bejn Masud u Malta mistennija tiddomina l-ġuri

…l-allegazzjoni tal-prosekuzzjoni hi li l-bomba telqet minn hawn u Masud issettja it-timer tagħha hawn

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Kważi 38 sena mindu seħħet l-isplużjoni fuq it-titjira 103 tal-Pan Am fuq Dumfires u Galloway fl-Iskozja, splużjoni li qatlet 259 passiġġier, il-membri kollha tal-ekwipaġġ u 11-il persuna oħra li mietu meta biċċiet mill-ajruplan waqgħu fuq djarhom, fl-Istati Uniti se jkunu qiegħed isir ġuri ieħor. Din id-darba se jkun Abu Agila Mas’ud Kheir Al-Marimi, li se jgħaddi ġuri bl-akkuża li hu għamel u pprepara l-bomba u li ssettja t-timer tal-bomba sabiex l-isplużjoni sseħħ 11-il siegħa wara, qabel ma għadda l-bagalja fl-ajruport Malti.

Il-ġuri tiegħu mistenni jinbeda fi żmien qasir u fl-aħħar jiem kienu għaddejjin preparamenti għall-għażla tal-ġurija. Filfatt hu mistenni li l-ġurija tintgħażel nhar it-Tlieta 25 ta’ Awwissu 2026 f’Washington, u l-proċess innifsu mistenni jibda wara. Bħalissa qed isiru seduti preliminari fejn qed tkun diskussa l-evidenza li l-prosekuzzjoni trid tippreżenta.

Irid jingħad li l-isplużjoni ta’ Pan Am fil-21 ta’ Diċembru 1988, għandha rabta importanti ħafna ma’ Malta, għax waħda mill-provi ċentrali tal-investigazzjoni kienet tikkonċerna bagalja u ħwejjeġ mixtrija minn Sliema. Il-każ tal-prosekuzzjoni u l-konklużjoni tal-Qorti fil-proċess ta’ Lockerbie kien li fis-7 ta’ Diċembru 1988, inxtraw diversi ħwejjeġ minn ħanut jismu Mary’s House fi Triq it-Torri, Tas-Sliema. Biċċiet minn dawn il-ħwejjeġ instabu fost il-fdalijiet tal-ajruplan.

Il-prosekuzzjoni sostniet li l-ħwejjeġ kienu ġew mixtrija minn Abdelbaset al-Megrahi, uffiċjal tas-Servizz Sigriet Libjan, li aktar tard instab ħati tal-attakk. Il-bomba kienet moħbija f’radio-cassette player Toshiba, f’bagalja Samsonite. Skont il-Qorti, il-bagalja kienet intbagħtet bħala bagalja mhux akkumpanjata minn Luqa fuq titjira tal-Air Malta KM180 lejn Frankfurt. Minn Frankfurt, allegatament ġiet trasferita fuq Pan Am 103A lejn Heathrow, u minn hemm fuq Pan Am Flight 103, li kien sejjer lejn New York.

Ir-rabta tal-bagalja ma’ Malta kienet waħda mill-aktar punti kontroversjali fil-każ. Il-Qorti kienet aċċettat li l-evidenza kienet tippermetti l-konklużjoni li bagalja mhux akkumpanjata kienet ġiet trasferita minn KM180 għall-vjaġġ lejn Heathrow. Madankollu, ma kienx hemm xhud dirett li ra l-bagalja bil-bomba titgħabba fuq l-ajruplan f’Malta. Il-kwistjoni dwar jekk il-bagalja daħlitx fis-sistema tal-bagalji f’Malta, Frankfurt jew anke Heathrow baqgħet suġġett ta’ dibattitu u appell.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport