Illum qed ngħixu fi żmien fejn it-teknoloġija hija bla waqfien u qed tiżviluppa b’mod mgħaġġel li bilkemm il-bniedem jista’ jlaħħaq miegħu. Tant hu hekk illi qed terġa’ titfaċċa l-biża’ li bl-avvanzi teknoloġiċi, ir-robotika se tieħu post il-ħaddiem fis-suq tax-xogħol, speċjalment f’pajjiżi u postijiet fejn jeżisti nuqqas jinħass ta’ ħaddiema.
Fil-fatt, għamel referenza għal din is-sitwazzjoni s-Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri li rrimarka, b’referenza partikulari għas-settur tal-ospitalità, li r-robots mhumiex is-soluzzjoni għan-nuqqas ta’ ħaddiema f’dan is-settur f’pajjiżna.
Huwa kollu minnu li r-robots m’humiex maħsuba li jieħdu post il-ħaddiema, anki jekk il-futur ħadd ma jafu. B’danakollu, u jekk verament irridu li dan ma jseħħx, jeħtieġ li dawk li joperaw fis-settur tal-ospitalità, anki bl-għajnuna tal-Gvern, għandhom jibqgħu jinvestu fir-riżors uman partikolarment b’pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol denji.
Għandhom ukoll jibqgħu jtejbu l-ħiliet tal-ħaddiema li jħaddmu magħhom kif ukoll b’inċentivi li jirrimedjaw mhux biss għan-nuqqas ta’ riżors uman f’din l-industrija imma wkoll biex iżommu jaħdmu magħhom lill-ħaddiema. Dan ngħiduh fil-kuntest illi r-robots u t-teknoloġija għandhom jikkumplimentaw il-ħidma tal-ħaddiema u mhux li jiħdulu postu.
Għalhekk, minkejja kull sfida, l-ħaddiema m’għandhomx jiġu mnaffra minħabba l-iżviluppi fit-teknoloġija. Anzi, għall-kuntrarju, għandhom jingħataw l-għodod kollha biex ikampaw fil-bidliet mgħaġġla li qed iseħħu fid-dinja tax-xogħol.
F’diversi okkażjonijiet oħra minn dawn il-kolonni, konna staqsejna jekk l-intelliġenza u r-robotika humiex ta’ gwadann jew ta’ tfixkil għall-għajxien tal-ħaddiema. Nifhmu li l-progress ma jista’ jwaqqfu ħadd. Għalhekk, jista’ jkun li l-ekonomiji jgawdu minn dawn l-avvanzi u l-iżviluppi fit-teknoloġija imma nisħqu li dan m’għandux isir a skapitu tal-għajxien u tal-impjieg tal-ħaddiema.
Naffermaw ukoll dak li qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri illi l-futur tax-xogħol f’pajjiżna ma jistax jinbena billi nwarrbu min-nofs lill-ħaddiema iżda billi nużaw it-teknoloġija b’mod responsabbli biex titjieb il-kwalità tax-xogħol u s-servizzi li jingħataw.
F’dan il-kuntest, il-GWU diġà ddikjarat li se tibqa’ favur soluzzjonijiet serji u fit-tul li jpoġġu lill-ħaddiema fiċ-ċentru, isaħħu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u fuq kollox itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin b’mod ġenerali.




