Tuesday, August 25, 2026
Home Internazzjonali Il-PM tar-Renju Unit Andy Burnham jibda żjara fl-Ukrajna 

Il-PM tar-Renju Unit Andy Burnham jibda żjara fl-Ukrajna 

0
59

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit Andy Burnham jinsab f’Kyiv, il-kapitali tal-Ukrajna, għall-ewwel żjara tiegħu barra mill-pajjiż minn meta sar Prim Ministru. Minbarra li se jippresiedi l-ewwel laqgħa tal-“koalizzjoni tar-rieda” (coalition of the willing), Burnham mistenni jgħaddi pjanijiet tekniċi biex l-Ukrajna tkun tista’ timmanifattura missili ta’ medda twila.

Din iż-żjara qed issir ukoll f’jum l-Indipendenza tal-Ukrajna u wara li l-ġimgħa li għaddiet Moska wissiet dwar “konsegwenzi” gravi minħabba l-użu ta’ drones Brittaniċi mill-Ukrajna.

Dan l-aħħar, l-Ukrajna intensifikat l-attakki fuq distanzi twal kontra l-kapitali Moska u reġjuni oħra Russi, billi mmirat lejn raffineriji taż-żejt u l-imħażen tal-akbar kumpanija tal-bejgħ onlajn fil-pajjiż, Wildberries.

L-Ukrajna u r-Russja komplew iwettqu attakki kontra xulxin matul il-lejl. Żewġ persuni nqatlu fil-Lbiċ tar-Russja kawża ta’ debris li waqa’, skont rapporti tal-aġenzija tal-aħbarijiet tal-istat Tass.

Il-Ministru tad-Difiża Ingliż, Luke Pollard qal li l-fatt li l-ewwel vjaġġ internazzjonali ta’ Andy Burnham bħala Prim Ministru huwa lejn l-Ukrajna juri “l-livell ta’ appoġġ” li r-Renju Unit għandu għal dan il-pajjiż.

Pollard enfasizza wkoll il-bżonn ta’ aktar sistemi ta’ difiża tal-ajru li minħabba l-kunflitt fil-Lvant Nofsani, hemm “domanda kbira għas-sistemi Patriot”.

“Huwa għalhekk li r-Renju Unit qed jappoġġja lill-Ukrajna b’riżorsi oħra tad-difiża; mhux biss biex jitwaqqgħu l-missili cruise li r-Russja tispara lejn l-Ukrajna, iżda wkoll permezz ta’ miżuri kontra d-drones.”

Mistoqsi wkoll dwar it-theddid tar-Russja lir-Renju Unit minħabba l-appoġġ tiegħu lill-Ukrajna Pollard qal li din il-gwerra hija theddida għas-sigurtà tar-Renju Unit kif ukoll għal dik tal-Ukrajna.

“Jekk xi ħadd jaħseb li kieku r-Russja kellha tirbaħ fl-Ukrajna, kienet se tieqaf hemm, ikun żbaljat ħafna,” jgħid Pollard.

Sadanittant, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret aktar għajnuna finanzjarja ta’ €6.1 biljun għall-Ukrajna biex tixtri sistemi ġodda ta’ difiża, inklużi missili, munizzjon u radars. Dan l-aħħar pakkett ta’ għajnuna jingħaqad ma’ €16-il biljun f’fondi approvati qabel, li minnhom €8.35 biljun kienu diġà ntefqu.

“Hekk kif ir-Russja qed tintensifika l-attakki tagħha, qed inżidu l-isforzi tagħna biex ngħinu lill-Ukrajna tipproteġi lill-poplu tagħha u tiddefendi l-ispazju tal-ajru tagħha,” qalet il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen.

Dan juri li l-Ewropa tinsab mal-Ukrajna u se tipprovdi dak li l-UKrajna għandha bżonn, meta jkollha bżonnu.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here