Tuesday, November 26, 2024

Il-każ ta’ bruċella f’Għawdex … kampjuni tad-demm u ħalib ittestjat regolarment f’pajjiżna

Il-merħliet Maltin dikjarati ħielsa mill-bruċellożi f'dokumentazzjoni tal-EU

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-awtoritajiet tas-saħħa kkonfermaw li qed jiġi investigat każ ta’ buċellerożi f’koppja Olandiża li allegatament kielu ġbejniet minn ristorant f’Għawdex.

Skont rapporti lokali, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci kkonfermat dan u qalet li l-awtoritajiet tas-saħħa saħansitra jinsabu f’kuntatt mal-koppja. Skontha, din l-infezzjoni hija rari ħafna u li f’pajjiżna l-aħħar każ imur lura fl-2003 u li f’dak il-każ l-infezzjoni kienet impurtata minn persuna li żar pajjiżna.

Intant sorsi ta’ min joqgħod fuqhom li tkellmu ma’ dan is-sit qalulna li r-rappurtaġġ fil-midja huwa nieqes mid-dettalji relatati mas-sistema tal-ittestjar li teżisti f’pajjiżna. Talk.mt jinsab infurmat li l-ittestjar għamel qabża kbira ta’ kwalità fl-aħħar snin u li d-dipartiment mhux biss iħares li r-raħħala li jbigħu l-prodotti tagħhom ikunu regolati skont il-linji gwida, iżda saħansitra żdiedu sostanzjalment it-testijiet relatati.

Is-sors qalilna wkoll li l-merħliet f’pajjiżna jsirulhom testijiet regolari fejn jitteħdilhom kampjun tad-demm, anke darbtejn kull sena. Bl-avvanzi kbar li saru fejn jidħlu testijiet, minn dan il-kampjun tad-demm, il-bhejjem jistgħu jiġu ttestjati għal diversi kundizzjonijiet fosthom il-bruċellożi.

Ninsabu infurmati wkoll li f’każ li bhima tirriżulta dubjuża, id-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji tal-Biċċerija jassiguraw li din tiġi mwarrba immedjatament fi kwarantina sakemm isiru aktar testijiet. Il-bhejjem li jirriżultaw bħala ‘full positive’ sfortunatament ikollhom jinqatlu bħala parti mill-proċedura li tiggarantixxi prodott lokali u ħieles mill-mard. Barra minn hekk, il-ħalib tan-nagħaġ u l-mogħoż qiegħed jiġi ttestjat ukoll b’mod regolari b’tali mod li ħalib li ma jaqbilx mal-kriterji ta’ standard tal-kwalità jiġi mormi u b’hekk ma jkunux jista’ jinħadem għall-produzzjoni.

Parti oħra mill-proċedura li tassigura prodott ħieles mill-mard huwa l-fatt li ċaqliq ta’ bhejjem minn razzett għal ieħor huwa regolarizzat u jsir biss b’awtorizzazzjoni tal-istess dipartiment veterinarju. F’każ ta’ bhejjem impurtati, il-bhejjem jiddaħħlu fil-pajjiż biċ-ċertifikazzjoni tal-pajjiż minn fejn ikunu oriġinaw, kif jaslu f’Malta jinżammu fi kwarantina u jerġa’ jittieħed kampjun ieħor tad-demm sakemm dawn ikunu ċċertifikati b’mod sħiħ mis-servizzi ta’ pajjiżna.

Barra minn hekk skont dokumentazzjoni tal-Unjoni Ewropea, pajjiżna huwa fost l-istati membri li l-merħliet tiegħu huma kkonfermati ħielsa mill-marda tal-bruċellożi.

Ara liema huma l-istati membri b’dan iċ-ċertifikat minn hawn taħt:

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX%3A02021R0620-20220718

Sport