Friday, December 20, 2024

Il-każ tal-allegat stupru magħluq… rapporti li Ronaldo ntalab miljuni f’kumpens

Aqra wkoll

Imħallef Amerikana waqqgħet il-kawża tal-allegat  stupru kontra Cristiano Ronaldo minħabba li l-avukat li qed jiddefendi l-”vittma” bbaża l-argumenti tiegħu fuq rekords żvelati u misruqa.

Kathryn Mayorga qed tallega li l-player ta’ Manchester United stupraha f’lukanda f’Las Vegas fl-2009.

Min-naħa tiegħu, Ronaldo ċaħad dawn l-allegazzjonijiet u fir-realtá qatt ma ġie akkużat. 

Ġie rrappurtat li kien intlaħaq ftehim bejn iż-żewġ partitijiet biex dan il-każ jiġi setiljat għal £304,000. Peró f’dawn l-aħħar ġimgħat hija talbet għal kumpens ta’ miljuni. 

Mayorga qalet li filwaqt li kienet qablet mal-ftehim ftit wara l-allegat inċident, it-trawma emozzjonali tagħha f’dak iż-żmien ma ħallithiex tipparteċipa fil-proċess ta’ medjazzjoni, u ħassitha ppressata biex taċċetta l-offerta.

Qabel ma ressaq l-ilment tagħha, l-avukat tas-Sinjura Mayorga, Leslie Stovall, kien irċieva informazzjoni u dokumenti li kienu kunfidenzjali u privileġati … qalet l-Imħallef Distrettwali tal-Istati Uniti Jennifer Dorsey.

L-imħallef qalet li l-avukat għamel ħsara personali lil Ronaldo, 37 sena, billi aġixxa b’“mala fede” permezz ta’ użu ripetut ta’ dokumenti privileġġati u misruqa biex jipproċedi fil-kawża.

F’deċiżjoni ta‘ 42 paġna, l-Imħallef Dorsey akkużat lill-avukat Stovall ta’ “abbużi u evażjoni immorali tal-proċess ta’ litigazzjoni xierqa” u qalet li bħala riżultat, “Mayorga titlef l-opportunità tagħha li ssegwi dan il-każ.”

Is-sena li għaddiet, maġistrat kien irrakkomanda li l-każ kellu jiġi miċħud minħabba l-aġir tal-avukat Stovall.

Fl-2019, il-prosekuturi Amerikani kienu sostnew li Cristiano Ronaldo ma kienx se jiffaċċja akkużi dwar l-akkużi peress li ma setgħux “jiġu ppruvati mingħajr dubju”.

Ronaldo nnifsu ma ċaħadx li t-tnejn iltaqgħu f’Las Vegas fl-2009, iżda qal li dak li ġara bejniethom kien kunsenswali.

Ekonomija

Sport