Sunday, May 5, 2024

Il-KE se tressaq lil Malta quddiem il-Qorti Ewropea fuq l-iskema tal-IIP

Il-Gvern iqis id-deċiżjoni bħala opportunità biex jirribatti li ċ-ċittadinanza hija kompetenza tal-istat

Aqra wkoll

Il-Kummissjoni Ewropea se tressaq lil Malta quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment.

Fi stqarrija b’rabta ma’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-għoti taċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea m’għandux ikun marbut minn qabel ma’ pagamenti jew investimenti mingħajr l-ebda rabta ġenwina mal-pajjiż minħabba li skontha dawn jiksru l-liġijiet Ewropej.

Il-Kummissjoni Ewropea fakkret li bagħtet żewġ ittri lil Malta biex tħeġġiġha twaqqaf l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment, waħda f’Ottubru ta’ sentejn ilu u l-oħra f’Ġunju tas-sena l-oħra.

Il-Kummissjoni Ewropea rrikonoxxiet il-fatt li Malta ssospendiet l-iskema riveduta għaċ-ċittadini Russi u dawk mill-Belarus ftit jiem wara l-invażjoni fl-Ukrajna. Madanakollu hija żiedet tgħid li Malta baqgħet tħaddem l-iskema għall-bqija tan-nazzjonijiet kollha mingħajr intenzjoni li twaqqafha.

Fl-ispjegazzjoni tagħha għad-deċiżjoni li tressaq lil pajjiżna quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni qalet li Malta hija l-uniku stat membru li għadu jħaddem din l-iskema.

Fir-reazzjoni tiegħu l-Gvern Malti  qal li b’rieda tajba u b’mod kostruttiv, se jibqa’ fi djalogu kontinwu mal-Kummissjoni Ewropea li matulu dejjem kienet spjegata l-pożizzjoni ta’ kif iċ-ċittadinanza hi kompetenza esklużiva tal-istat innifsu, bil-Kummissjoni Ewropea tibqa’ tinsisti li tali kompetenza mhux limitata biss għall-istati membri u dan minkejja li l-gvern preżenta argumenti legali li jippruvaw il-kontra ta’ dak li qed titkellem dwaru l-istess Kummissjoni. Barra minhekk, il-Gvern Malti dejjem ikkopera b’mod sħiħ f’kull proċess inizjat mill-istess Kummissjoni u anke jieħu miżuri adekwati biex inaqqas kemm jista’ jkun ir-riskji marbuta mal-leġiżlazzjoni taċ-ċittadinanza u r-residenza b’investiment.

Kompla biex jgħid li Malta mhix tikser il-prinċipju tal-kooperazzjoni elenkati fit-Trattat tal-UE, u li dan il-qafas leġislattiv ta’ ċittadinanza b’investiment jirrifletti b’mod sħiħ il-provviżjonijiet  elenkati fit-trattat dwar proċessi marbuta man-naturalizzazzjoni.

Saħaq jgħid li wara konsultazzjoni mal-professjonisti fil-qasam, il-gvern se jkompli joġġezzjona għall-interpretazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea. Tenna li l-gvern iħaddem proċessi ta’ diliġenza rigorużi biex ikunu evitati l-abbużi, fosthom ta’ ħasil ta’ flus, iffinanzjar tat-terroriżmu u biex iċ-ċittadinanza tingħata biss lil individwi li jkunu denji.

Il-Gvern qal li l-programm kien skrutinizzat b’reqqa f’eżerċizzji u evalwazzjonijiet dwar riskji ta’ ħasil ta’ flus minn għadd ta’ istituzzjonijiet internazzjonali fosthom il-Moneyval u l-FATF. Qal li l-entitajiet u l-proċessi tagħhom għaddew b’suċċess l-istess evalwazzjonijiet u kienu rikonoxxuti bħala mudell għal pajjiżi oħra fil-ġlieda kontra l-attivitajiet tal-kriminalità organizzata. Tenna li l-programm huwa trasparenti biżżejjed ma’ ġurisdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi.

Il-Gvern temm jgħid li dan il-proċess kollu se jipprovdi l-opportunità biex ikompli jsaħħaħ l-argumenti tiegħu, kif ukoll jirribatti l-interpretazzjonijiet li tqajmu waqt li jħalli l-materja għad-deċiżjoni finali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Sport