Fir-rapport annwali tagħha dwar is-saltna tad-dritt fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea qalet li f’Malta hemm bżonn jiżdiedu l-isforzi biex ittejjeb l-effiċjenza biex tnaqqas iż-żmien li jieħdu l-proċeduri ġudizzjarji.
Il-Kummissjoni Ewropea nnotat li l-effiċjenza fil-ġustizzja kompliet sejra għall-agħar, iżda fl-istess rapport ġie nnotat li fl-aħħar żmien iddaħlu miżuri biex is-sitwazzjoni titjib l-aktar fi żmien li jieħdu l-proċeduri fil-Qrati ta’ pajjiżna.
Fir-rapport intqal li l-Gvern Malti għandi jinvolvi lill-ġudikatura fil-proċedura għall-ħatra tal-Prim Imħallef.
Ġie nnutat ukoll li minkejja li kien hemm żieda fil-ħatriet ta’ ġudikanti ġodda, xorta waħda hemm tħassib dwar ir-riżorsi umani fosthom dawk klerikali. Il-Kummissjoni Ewropea qalet li hu ta’ sodisfazzjoni li ġie mniedi pjan strateġiku għas-servizz ta’ prosekuzzjoni.
Fl-istess rapport ġie stabbilit li l-istrateġija nazzjonali kontra l-korruzzjoni u l-frodi ġiet aġġornata fil-ħin, iżda hemm bżonn biex pajjiżna jdaħħal aktar miżuri biex tindirizza l-isfidi li hemm ma’ investigazzjonijiet b’mod partikolari dawk dwar korruzzjoni.
Il-Kummissjoni Ewropea meta ġiet biex tanalizza s-sitwazzjoni li fiha jaħdmu l-ġurnalisti f’pajjiżna qalet li kien hemm progress biex issir leġislazzjoni biex il-ġurnalisti jaħdmu f’ambjent aktar sigur, iżda l-istess waqt innotat li ma sarx progress biex l-istess ġurnalisti jingħataw aċċess għal dokumenti uffiċjali tal-Gvern.
Dwar ix-xandir pubbliku l-Kummissjoni Ewropea qalet li hemm bżonn li jisaħħu r-regoli biex ikun hemm aktar governanza indipendenti u anke jkun hemm indipendenza editorjali fix-xandir pubbliku.
Fir-rapport saret rakkomandazzjoni biex titwaqqaf Istituzzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem.
Intant f’reazzjoni għar-rapport mill-Kummissjoni Ewropea, il-Ministru għal Ġustizzja Jonathan Attard qal li r-rapport annwali tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-Saltna ta’ Dritt jirrikonoxxi l-ħidma li qed issir minn dan il-Gvern fil-qasam tal-Ġustizzja fosthom fit-tisħiħ u l-indipendenza tal-ġudikatura, il-ħidma tal-Avukat Ġenerali, l-istrateġija diġitali u t-tibdil leġiżlattiv.
Bħala Gvern diġà hemm ħidma għaddejja fuq numru sostanzjali ta’ rakkomandazzjonijiet u nħares ‘il quddiem biex inkomplu nwettqu l-pjan ta’ ħidma ta’ Malta Flimkien.