Saturday, May 4, 2024

Liam Debono li hu mixli b’attentat ta’ qtil jitlef kawża għad-danni

Aqra wkoll

Liam Debono li jinsab mixli b’attentat ta’ qtil ta’ pulizija tilef kawża għad-danni wara li kien ippreżenta rikors kostituzzjonali li fih kien qal li d-dritt tiegħu għal proċess ġust kien nkiser. Kien għalhekk li kien talab lill-Qorti tikkumpensah għad-danni morali.

Debono qed jistenna li jgħaddi ġuri għall-attentat ta’ qtil fuq l-eks Surġent tal-Pulizija Simon Schembri liema każ kien seħħ fl-2018.

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni Kostituzzjonali tagħha ppreseduta mill-Imħallef Grazio Mercieca qalet li Debono naqas milli juża l-għodda proċedurali li tagħtih il-liġi ordinarja. L-Imħallef Mercieca qal li t-talba kellha ssir l-ewwel lill-Qorti Kriminali.

“Dan jagħti lok biex din il-Qorti tirrifjuta li teżerċità l-poteri tagħha għax kif issostni b’mod konsistenti hija Qorti tal-aħħar għażla (last resort). Huwa abbuż li issa daħal sewwa fil-prassi tal-fora tagħna li wieħed jgħaġġel u jiftaħ kawża kostituzzjonali bla ma l-ewwel jirrikorri għall-proċeduri taħt il-liġi normali,” irrimarka l-Imħallef Mercieca.

Il-Qorti qalet li Debono ma ressaqx dan l-ilment quddiem il-Qorti penali, kif għandu kull dritt li jagħmel.

Dr Joe Brincat kien qed jidher għall-akkużat.

Sport