Saturday, December 21, 2024

Il-KE tipproponi li testendi ċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE b’sena

Aqra wkoll

Il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi li testendi ċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE b’sena, sat-30 ta’ Ġunju 2023. Il-virus COVID-19 għadu prevalenti fl-Ewropa u f’dan l-istadju mhuwiex possibbli li jiġi ddeterminat l-impatt ta’ żieda possibbli fl-infezzjonijiet fit-tieni nofs tal-2022 jew tal-emerġenza ta’ varjanti ġodda. L-estensjoni tar-Regolament se tiżgura li l-vjaġġaturi jistgħu jkomplu jużaw iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE meta jivvjaġġaw fl-UE fejn l-Istati Membri jżommu ċerti miżuri tas-saħħa pubblika. Il-Kummissjoni qed tadotta l-proposta llum qed tadotta l-proposta biex tiżgura li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jikkonkludu l-proċedura leġiżlattiva fil-ħin qabel ma jiskadi r-Regolament attwali.

Minbarra l-estensjoni tar-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE sa Ġunju 2023, il-Kummissjoni tipproponi wkoll xi emendi limitati:

  • Li fost it-tipi ta’ testijiet li għalihom jista’ jinħareġ ċertifikat tat-test jiġu inklużi wkoll testijiet tal-antiġeni ta’ kwalità għolja li jitwettqu f’laboratorju. Il-mira hija li jitwessa’ l-ambitu tat-tipi ta’ testijiet dijanjostiċi fi żmien meta t-testijiet għall-COVID-19 hemm domanda għolja għalihom.
  • Sabiex ikun żgurat li ċ-ċertifikati tat-tilqim ikun fihom l-għadd korrett ta’ dożi totali amministrati f’kull Stat Membru u mhux biss fl-Istat Membru li joħroġ iċ-ċertifikat. Dan biex jiġi indirizzat it-tħassib prattiku mqajjem miċ-ċittadini dwar ċertifikati li jindikaw għadd skorrett ta’ dożi meta jirċievu dożi ta’ vaċċin fi Stati Membri differenti.
  • Sabiex ikun previst li ċ-ċertifikati jistgħu jinħarġu lil persuni li qed jipparteċipaw fi provi kliniċi għal vaċċini kontra l-COVID-19. Iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE maħruġ lill-parteċipanti tal-provi jista’ mbagħad jiġi aċċettat minn Stati Membri oħra. Din il-miżura għandha l-għan li tħeġġeġ l-iżvilupp kontinwu u l-istudju tal-vaċċini kontra l-COVID-19.

L-Istati Membri jibqgħu dawk li jiddeċiedu dwar l-użu domestiku taċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE. Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE la tippreskrivi u lanqas tipprojbixxi l-użu domestiku taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE (pereżempju għall-aċċess għal avvenimenti jew ristoranti). Fl-istess ħin, meta Stat Membru jistabbilixxi sistema ta’ ċertifikati tal-COVID-19 għal skopijiet domestiċi, għandu jkompli jiżgura li ċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE jiġi aċċettat ukoll għalkollox għal dawk il-finijiet. Lil hinn minn dan, il-Kummissjoni tinkoraġġixxi wkoll l-Istati Membri biex jallinjaw il-perjodi ta’ validità domestika mal-perjodu ta’ validità stabbilit fil-livell tal-UE għall-fini tal-ivvjaġġar.

Ekonomija

Sport