Monday, May 13, 2024

Sitt snin ħabs fuq diversi serqiet

Aqra wkoll

Ludwig Bugeja ta’ 45 sena minn Raħal Ġdid kien ikkundannat sitt snin ħabs wara li nstab ħati li wettaq diversi serqiet bejn Jannar u Frar tal-2019. 

Bugeja kien tressaq il-Qorti mixli li seraq vettura Isuzu f’Raħal Ġdid, li f’żewġ okkażjonijiet oħra seraq minn ġewwa supermarket f’Ħal Tarxien, li kien kompliċi f’serqa oħra minn stabbiliment f’Santa Venera u li sar reċediv. 

Fil-Qorti ħareġ li nhar is-27 ta’ Frar 2019, il-manager tas-supermarket ta’ Ħal Tarxien irrapporta li kienu nsterqu 17-il xafra tal-leħja u tliet razor blades, li l-ammont tagħhom jaqbeż it-€300. 

Huwa żied jgħid li l-istess persuna li serqet dawn l-affarijiet, ftit tal-jiem wara serqet ukoll mill-istess supermarket ħames body groomers li jammontaw għal iżjed minn €100. 

Mill-filmati tas-CCTV cameras, il-Pulizija waslu għal konklużjoni li l-persuna li tidher tisraq mis-supermarket kien l-imputat Bugeja, għax hu magħruf mal-pulizija u kellu diversi każijiet oħra l-Qorti. Minn aktar stħarriġ irriżulta li l-Pulizija rrealizzat li l-imputat kien involut f’serq ta’ vettura u allegatament kien kompliċi f’serqa minn ħanut.

Wara li rat li ġew ippruvati l-akkużi miġjuba kontra Bugeja, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia għaddiet biex tagħti s-sentenza. Hija kkunsidrat diversi fatturi fosthom il-fedina rafrettarja ta’ Bugeja, fejn għandu mhux inqas minn 23 kundanna minn dawn il-Qrati. Dawn jinkludu numru ta’ kundanni għal pussess sempliċi tad-droga, pussess aggravat tad-droga u anke traffikar ta’ droga fost oħrajn.

Il-Qorti qalet ukoll li huwa ngħata diversi opportunitatajiet biex jirriforma ruħu permezz ta’ ordnijiet ta’ probation kif ukoll ingħata diversi sentenzi ta’ priġunerija effettivi. “Però jidher li l-imputat baqa’ ma tgħallem xejn u għadu jippersisti li jibqa’ jgħix fil-ħajja ta’ kriminalità li sfortunatament qabad snin twal ilu.”

“Il-ħajja tal-imputat għal dawn l-aħħar 26 sena, ma tħalli l-ebda dubju moħħ din il-Qorti li l-imputat mhux kapaċi jibda u jsegwi l-programm ta’ rijabilitazzjoni jekk mhux f’ambjent konfinat u kontrolat, bħalma hija l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

“Jeħtieġ jekk verament l-imputat irid jindirizza l-vizzju tiegħu ta’ abbuż ta’ droga li bl-għajnuna tal-professjonisti li hemm ġewwa l-ħabs isir pjan ta’ kura bil-għan li l-istess imputat jista’ jikseb il-frott mixtieq minn kulħadd, fl-interess tiegħu kif ukoll fl-interess tas-soċjetà,” tenniet il-Qorti. 

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Maġistrat Farrugia sabitu ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u kkundannatu għall-piena ta’ sitt snin ħabs. Huwa kien ordnat ukoll iħallas il-flejjes kollha li seraq mingħand persuni u stabbiliment.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa.

Sport