Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat white paper dwar id-difiża Ewropea, sigħat biss qabel il-mexxejja Ewropej jiltaqgħu għall-Kunsill Ewropew.
Il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi nefqa ta’ €800 biljun biex sa ħames snin oħra, biex l-istati Membri Ewropej ikunu jistgħu jsaħħu d-difiża tagħhom.
Fil-white paper, il-KE tfakkar li mill-2022 sal-lum, l-UE nefqet €50 biljun f’għajnuna militari u kważi €140 biljun f’għajnuna lill-Ukrajna. Skont il-Kummissjoni Ewropea mingħajr din l-għajnuna fl-Ukranja ma tistax tirrenja paċi dejjiem u ġusta.
Il-KE qed tipproponi wkoll li jintbagħtu 1.5 miljun sett ta’ artillerija lill-Ukrajna u bħala prijorità, iridu jintbagħtu missili, drones u sistemi tad-difiża tal-ajru. Qed tipproponi wkoll li l-UE ssaħħaħ it-taħriġ lis-suldati Ukreni u li tingħata għajnuna diretta lill-industrija tad-difiża Ukrena.
Fil-White Paper il-Kummissjoni qalet li għal snin tqal l-investiment fid-difiża kien wieħed baxx ħafna meta mqabbel ma’ dak Russu. Għalhekk qiegħda tipproponi li l-UE tinvesti aktar f’difiża tal-ajru u tal-missili, sistemi avvanzati ta’ artillerija li kapaċi jisparaw mill-bogħod, flotta ta’ drones u sistemi fuq l-art, fl-arju u taħt il-baħar u network fl-UE li jiffaċilita l-moviment tal-armi u truppi madwar il-blokk Ewropew.