Tuesday, May 14, 2024

Il-kelliem tal-PN għas-saħħa jsostni li pajjiżna għandu bżonn iktar minn sptar wieħed

Aqra wkoll

Fis-seduta parlamentari li fiha ġew diskussi l-estimi għas-settur tal-qasam tas-saħħa tal-Budget 2023 il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista filwaqt li faħħru l-għadd ta’ investimenti mħabbra li huma ta’ aktar minn €1 biljun fis-settur, elenkaw lista li, skont huma, huma affarijiet li għandhom jiġu indirizzati.

Il-kelliema tal-Oppożizzjoni apprezzaw li l-Gvern sema’, ikkonsidra u anke laqa’ wħud mill-proposti minn tagħhom u faħħru fost l-oħrajn kemm il-kura ambulatorja li biha t-trattament tal-kanċer jingħata fid-dar tal-pazjent stess, hija tajba. 

Min-naħa tagħhom, mingħajr ma rrikonoxxew li l-pajjiż ħareġ minn pandemija globali b’suċċess tant li ġejna mfaħħra minn diversi pajjiżi għall-istrateġija li ħaddna fil-kontroll tal-Covid-19 inkluża l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, talbu fost l-oħrajn kundizzjonijiet aħjar għall-professjonisti fil-qasam; sptar ġdid tas-saħħa mentali, formolatorju aktar wiesgħa ta’ mediċini bla ħlas u li tonqos fost l-oħrajn il-lista ta’ stennija tal-pazjenti.

Fl-intervent tiegħu l-kelliem tal-PN Stephen Spiteri ammetta li l-qasam tas-saħħa riproduttiva f’pajjiżna għamel avvanzi kbar inkluż dak tal-pre genetic testing iżda ma’ kull prosit, għamel kritika fejn talab li jkunu attirati aktar professjonisti fil-qasam tas-saħħa u li ma jkunx hemm lista ta’ stennija twila għall-pazjenti. Min-naħa tiegħu saħaq li l-emerġenzi jeżistu wkoll fil-qasam tas-saħħa mentali fejn sostna li l-emerġenzi psikjatriċi huma serji għax jistgħu jsalvaw ħajja. Mal-qasam tas-saħħa mentali huwa rabat il-liġi ġdida tal-kannabis fejn qal li din tipparteċipa f’mard mentali u li tista’ twassal għal abbuż ta’ drogi oħra. 

Spiteri kompla billi qal li f’Malta m’għadniex ta’ sptar wieħed minħabba li d-domanda qiegħda dejjem tiżdied u reġa’ talab li l-investiment fis-settur ikun aktar b’saħħtu fosthom li l-Gvern jipprovi t-tabib privat bla ħlas għall-anzjani. Dan barra l-mediċini bla ħlas li diġà jingħataw. Huwa għaraf li s-settur tas-saħħa huwa wieħed mimli sfidi u hawn esprima x-xewqa li nkunu ppreparati għall-isfidi tal-futur fejn stieden li tkompli l-ħidma biex dan is-servizz f’pajjiżna jibqa’ bla ħlas u li nkunu ppreparati għall-isfidi li se jkollna fis-snin li ġejjin.

Sport