Sunday, December 22, 2024

“Il-kirja privata saret ‘piż kbir’” … l-għajnuna hemm bżonn tkun riveduta

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Il-kirja privata spiċċat piż kbir ferm aktar minn qatt qabel. Il-mod kif qegħdin jiżdiedu l-prezzijiet fuq firxa wiesa ta’ oġġetti, qed iwassal biex il-kirjiet li qegħdin inħallsu llum fil-privat u li għalihom għandna għajnuna mill-Awtorità tad-Djar li hi importanti, saru piż kbir. Qegħdin nispiċċaw dejjem inqas b’ammont ta’ flus f’idejna biex inlaħħqu mal-ħajja.  L-għajnuna għall-kirja nemmen li għandha tkun riveduta. Nistqarr li qed ikollna tensjoni kif jasal l-aħħar tax-xahar, biex niżgura li għandi flus għal kirja. Jien aktar ninkwieta li ma nasalx fuq il-kirja milli jekk noqgħod lura milli niekol xi ħaġa. Għax jekk ma jkollix flus biex inmur niekol, forsi nixtri xi ħaġa żgħira u ngħaddu biha jew innaqqsu xi ħaġa, imma l-kera trid titħallas u trid titħallas fil-ħin.  Kif nistgħu ngħixu tajjeb meta familja ta’ tnejn qegħdin inħallsu kważi €800 kera għal appartament fix-xahar, meta l-paga li ndaħħlu fix-xahar lanqas taqbeż  €1,200 fix-xahar.   L-għajnuna li qed nirċievu hi ta’ ftit inqas minn €400 fix-xahar.”

Dan kien il-kumment ta’ familja li qiegħda f’kirja privata u li tkellmet ma’ talk.mt dwar il-fatt li waqt li jħossu li l-iskema ta’ għajnuna għal kirjiet privati hi tajba, jemmnu li din għandha tkun riformata għax issa l-benefiċċju mhux iħossu li għadu wieħed adekwat.  Ma’ din il-familja kien hemm persuna oħra u qaltilna li “jien ngħix waħdi. Għandi kera ta’ €600 fix-xahar u jidher li se jgħollili. Ma dan jien kont tajtu anke depożitu f’każ ta’ xi ħsarat jew hekk.  Jien bħala sussidju kull xahar nieħu €160 f’benefiċċju. Dan ifisser li meta tara l-paga li għandi u l-kirja li rrid inħallas jien f’idi jibqagħli €600, li rrid ngħaddi bihom għal xahar. Nikkalkula jien li ma nistax nonfoq aktar minn €130 fil-ġimgħa u nimmarka l-kalendarju f’dawk ix-xhur li jkollhom ħames ġimgħat, għax hemmhekk il-flus f’idi ikunu ovvjament inqas. Inħalli €20 fil-ġimgħa għall-kontijiet tad-dawl u t-telefon”. 

Il-Gvern u l-awtoritajiet qed isegwu

talk.mt qajmet dan il-punt mal-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali.  Il-Ministeru qalilna li “l-Gvern u l-awtoritajiet qed jibqgħu isegwi dak li jkun għaddej u jwettqu l-konsultazzjoni meħtieġa biex jaġixxu b’mod kalibrat u effettiv”.

Lill-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, staqsejnieh kif waslna ħafna ilmenti minn persuni li qed jibbenefikaw mill-iskema ta’ għajnuna għal kirjiet privati. Dawn qegħdin jilmentaw li minkejja li hemm l-għajnuna, il-kirjiet qegħdin jogħlew b’mod li l-ammont issa sar baxx wisq. Każ partikolari per eżempju hu dak ta’ persuna li qed tħallas €650 fix-xahar f’kirja u qed tieħu madwar €165 f’għajnuna.

Staqsejna jekk humiex konxji  ta’ kif il-kirjiet fis-settur privat qegħdin jogħlew. Staqsejna jekk hemmx xi pjani biex l-iskema tiġi modifikata jew irranġata biex tilqa’ aktar għal din ir-realtà.

Lill-Ministeru infurmajnieh li kellmitna familja b’żewġt itfal. Filfatt dawn qalulna li l-massimu li jistgħu jieħdu f’benefiċċju hu ta’ ftit aktar minn €400, meta huma qegħdin iħallsu kirja ta’ €800 fix-xahar. Spjegawlna li huma mhux intitolati għal massimu u għalhekk l-għajnuna hi ferm u ferm inqas. Staqsejna jekk f’każi bħal dawn, iħossux li l-għajnuna hi adekwata.

Il-Ministeru qalilna li “bħala Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli jfakkar kif il-miżura ta’ akkomodazzjoni affordabbli taħdem billi tieħu konjizzjoni tal-kera maqbula kuntrattwalment mill-inkwilin u tad-dħul sħiħ li jagħmel l-istess inkwilin. Il-benefiċċju li joħroġ mill-Awtorità tad-Djar imbagħad ikun ta’ ammont li jiżgura li l-familja ma tħallasx aktar minn 25% tad-dħul tagħha fuq il-kera li teħtieġ. Il-Gvern u l-awtoritajiet qed jibqgħu isegwi dak li jkun għaddej u jwettqu l-konsultazzjoni meħtieġa biex jaġixxu b’mod kalibrat u effettiv.”

Il-Ministeru qalilna li “dan biex wieħed ikompli jibni fuq ir-riformi kbar tal-aħħar snin, li fost oħrajn saħħew l-għajnuniet fis-settur tal-kera u daħlu serħan il-moħħ li ma kienx jeżisti f’ħafna ċirkostanzi.”

Titkellem omm li tgħix ma’ żewġ uliedha … il-ħlas tal-kera sar iebes

Titkellem ma’ talk.mt omm li tgħix maż-żewġ uliedha.  Din l-omm qaltilna li “llum qiegħda dejjem issir diffiċli li tikri b’inqas minn €600 fix-xahar kif konna konna nikru sa ftit ilu. Illum il-kirjiet qed jaqbżu is-€700 fix-xahar u jibqgħu telgħin. Jien nistaqsi fejn sejrin? Se  jkomplu jogħlew. Jien għal ħlas ta’ €700 fix-xahar, nieħu madwar €300. Dan ifisser li għandi €400 irrid inħallashom jien.  Ma’ dawn trid tħalli għall-kontijiet, dawl, ilma, telefon, televiżjoni u internet għax it-tfal ma jgħaddux mingħajr internet.  Dejjem irrid fuq €200 kull xahrejn. Il-prezzijiet żdiedu u bilfors trid tibqa’ tnaqqas. Neħħejt is-servizz tat-televiżjoni  Ħallejt it-telefon  u l-internet.  Anki dawl, nippruvaw niffrankaw kemm nistgħu. Apparat u arja kundizzjonata m’għandix.  Il-kirjiet qegħdin jagħfsu wisq fuqna.  Dak li kien tajjeb għalina ftit snin ilu, issa mhux qegħdin narawh aktar effettiv. Trid issir xi ħaġa biex niġu mgħejjunin aktar. Il-biża’ tiegħi dejjem hi li se jkomplu jgħollu dawn il-kirjiet. Kont qed nitkellem mas-sid  ftit jiem ilu u qaltli li hawn domanda kbira għall-kiri, jiġifieri qisha qaltli li mhu qed tagħmilli l-ebda pjaċir li tikrili l-appartament għax għandha min jidħol”.

Ekonomija

Sport