Il-kisbiet tal-1921 iġibu magħhom responsabbiltà li nħarsu d-demokrazija llum

Aqra wkoll

“Il-poter għandu jkun eżerċitat fl-interess tal-poplu”, saħaq l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Carmelo Abela, waqt il-kommemorazzjoni tal-105 sena mill-Kostituzzjoni tal-1921, magħrufa bħala l-Kostituzzjoni Amery–Milner, fejn enfasizza li l-kisbiet kostituzzjonali ta’ pajjiżna jġibu magħhom responsabbiltà li nħarsu d-demokrazija u nsaħħu l-istituzzjonijiet.

L-Ispeaker attenda fuq stedina tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija għall-kommemorazzjoni li saret fit-2 ta’ Ottubru 2026 quddiem it-Torri Belvedere.

Il-Kostituzzjoni tal-1921, magħrufa bħala l-Kostituzzjoni Amery–Milner, immarkat pass fundamentali fl-iżvilupp parlamentari ta’ Malta. Tat lil pajjiżna l-ewwel gvern awtonomu u parlament magħmul minn żewġ kmamar: l-Assemblea Leġiżlattiva u s-Senat. Għalkemm l-affarijiet riservati kienu baqgħu f’idejn il-Gvern Imperjali Ingliż, il-Maltin kisbu r-responsabbiltà għat-tmexxija tal-affarijiet lokali. Din kienet kisba storika li fetħet kapitlu ġdid fil-mixja lejn is-sovranità u d-demokrazija parlamentari sħiħa.

Il-kommemorazzjoni saret quddiem it-Torri Belvedere minħabba r-rabta tiegħu ma’ din il-ġrajja: l-Assemblea Ġenerali ta’ dak iż-żmien kienet iltaqgħet proprju hemmhekk. “Dan il-post għalhekk għandu valur li jmur lil hinn mill-ġmiel arkitettoniku u storiku tiegħu,” spjega l-Ispeaker.

L-Ispeaker saħaq fuq ir-rispett lejn il-Parlament, lejn l-istituzzjonijiet u lejn l-opinjonijiet differenti. Temm b’appell biex din it-tifkira tissarraf f’impenn “li nħarsu d-demokrazija tagħna, insaħħu l-istituzzjonijiet tagħna u nkomplu nibnu fuq il-wirt kostituzzjonali li ħallewlna dawk li ġew qabilna”.

Huwa rringrazzja lill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija u lil kull min ikkontribwixxa.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport