Sunday, December 22, 2024

“Il-kitba m’għandhiex tintuża għal pressjoni fuq il-ġudikatura”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Prim Imħallef Mark Chetcuti appella lill-media pubblika u soċjali f’kull forma kif ukoll dawk il-persuni u organizzazzjonijiet ta’ kull xorta li għandhom ġibda ta’ nies warajhom, li għalkemm il-vuċi tagħhom hi essenzjali u għandha tkun libera f’soċjetà demokratika anke jekk minn xi daqqiet tkun ħarxa, qatt ma għandha tkun xprunata mill-intenzjoni biex iddaħħal feles jew tagħmel pressjoni mhux xierqa fuq l-indipendenza tal-ġudikatura. 

Huwa rrimarka dan f’diskors li għamel fl-okkażjoni tal-ftuħ tas-Sena Forensi ġewwa l-bini tal-Qorti fil-preżenza tal-President tar-Repubblika George Vella, il-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru responsabbli mill-Ġustizzja Edward Zammit Lewis, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, ġudikanti u avukati. 

Il-Prim Imħallef beda biex qal li rridu nkomplu nassiguraw ilkoll kemm aħna bħala poplu sovran b’interess ġenwin ta’ dak li hu sewwa, li s-sistema ġudizzjarja u l-ġudikatura nfisha tkun indipendenti. Qalet li Qrati indipendenti u li jagħmlu s-sewwa u t-tajjeb bl-aktar mod trasparenti fil-parametri tal-liġi jagħtu serħan ttal-moħħ u fiduċja fil-komunità u fi-negozju kemm lokali u kemm barranin. 

Il-Prim Imħallef tenna wkoll li: “l-indipendenza tal-ġudikatura tagħti s-saħħa u fiduċja lis-sistema demokratika mibnija fuq il-prinċipju ewlieni li kulħadd hu ugwali fil-liġi u ħadd mhu ‘l fuq mil-liġi.”

Min-naħa l-oħra, huwa semma kif il-ġudikant għandu jagħraf meta u x’ħin għandu jsemma’ leħnu mal-partiiet u/jew id-difensuri, juri imparzjalità għall-aħħar billi jittratta lil kulħadd quddiemu bl-istess mod. “Kulħadd hu ugwali quddiem il-liġi u hekk għandu jiġi trattat mill-ġudikant.” 

Huwa kompla jgħid li l-ġudikanti jistħoqqilhom rispett għall-uffiċċju diffiċli tagħhom għax b’kuxjenza safja jridu jfittxu s-sewwa f’kull ilment quddiemhom, u xi kultant is-sewwa mhux faċli li jinstilet minn dak imressaq quddiem il-ġudikant. 

Il-Prim Imħallef saħaq ukoll li huwa imperattiv kontroll sħiħ mill-ġudikant li jiddistakka ruħu mill-opinjonijiet u l-emozzjonijiet personali tiegħu u jiddeċiedi biss fuq il-liġi b’ġustizzja, b’umanità u b’kuxjenza retta skont il-fatti mressqa quddiemu. 

“Il-pubbliku għandu jqis il-kritika tiegħu u jressaqha b’mod responsabbli”

Dwar il-kritika fuq il-ġudikatura, il-Prim Imħallef qal li din hija mistennija għax il-fehma aħħarija ta’ ġudikant hi fl-aħħar mill-aħħar ġudizzju li jaqta’ bħal xafra u li mhux se ssib l-approvazzjoni ta’ kulħadd ibda mill-partijiet stess. “Bħala ġudikanti rridu noqogħdu għall-kritika li ssir u nifluha biex nifhmu x’qed jingħad għax aħna m’aħniex u ma nistgħux inkunu maqtugħa mid-dinja iżda bħala parti mis-soċjetà.”

Huwa sostna li l-pubbliku għandu jqis il-kritika tiegħu u jressaqha b’mod responsabbli bla ma jinfexx f’tgħajjir jew xi kultant insulti personali indirizzat lil ġudikant innifsu li ma jagħmlu xejn ħlief ħsara għal dak li hu tajjeb u sew.

“Kull kritika u rapport infoirmattiv u investigativ għandhom ikunu mibnija fuq id-dritt tal-informazzjoni ħielsa però fir-riċerka sinċiera tal-verità u tkun waħda kostruttiva mhux distruttiva intiża għat-tajjeb komuni u mhux manipulattiva. M’għandhiex timmina lill-ġudikant milli jaqdi b’serenità, oġġettività u mingħajr pressjoni żejda l-uffiċċju tiegħu,” qal il-Prim Imħallef. 

Huwa żied jgħid li pressjoni mhux xierqa fuq l-operat ta’ ġudikant intiża għal skopijiet ulterjuri li mhix ir-riċerka tal-verità u d-dritt, speċjalment waqt proċeduri mhux magħluqa, ma għandhiex issir u mhix aċċettabbli jew skużabbli.

“Il-kawtela fl-użu tal-kelma, ir-riċerka oġġettiva tal-fatti veri u sens ta’ responsabbiltà għal konsegwenzi ta’ dak li jingħad fuq il-mezzi tal-midja pubblika u soċjali huma l-kejl ġust li għandu jiggwida lil min għandu s-saħħa tal-pinna.” 

Min-naħa l-oħra, il-Prim Imħallef qal li l-indipendenza tal-ġudikatura ma jfissirx però li ġudikant ma jagħtix kont ta’ għemilu. Hemm regoli ta’ kondotta xierqa għall-membri tal-ġudikatura kemm fil-liġi u fil-kodiċi ta’ etika li jirregolaw ġudikant ġewwa u barra l-Qorti.

Huwa mbagħad tkellem dwar iż-żieda kbira fin-numru ta’ kawżi ta’ kull xorta li qed ipoġġi pressjoni akbar fuq in-numru ta’ ġudikanti li hemm preżentament. 

Waqt li nnota kif iż-żieda fil-ġudikanti din l-aħħar sena għenet biex jitqassam ftit mix-xogħol, il-Prim Imħallef saħaq li n-numru ta’ ġudikanti f’kull kompetenza mhix biżżejjed biex tlaħħaq man-numru dejjem jiżdied ta’ kawżi u fl-istess ħin jinqata’ l-backlog, li l-imxija tal-Covid aggravat aktar. 

“Għandha ssir riforma fil-kamp tal-inkjesti”

Huwa żied jgħid ukoll li għandha ssir riforma anke fil-kamp tal-inkjesti biex inaqqas mill-pressjoni ta’ xogħol fuq il-Maġistrat u jinħoloq dak il-pont bejn il-pulizija u l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. “Dan jista’ jsir billi jiġi kostitwit l-uffiċċju tal-ġudikatura inkwerenti kompost minn numru ta’ Maġistrati li jispeċjalizzaw fl-inkjesti biss.” 

Il-Prim Imħallef qal li sfida oħra li għandha s-sistema ġudizzjarja hi n-nuqqas ta’ impjegati fil-varji servizzi tal-Qrati inkluż l-impjegati assenjati direttament mal-ġudikatura. “Mhux qed nitkellem biss fuq in-numru iżda fuq il-kapaċitajiet tagħhom. Jeħtieġ li l-impjiegi jiffokaw fuq persuni ppreparati akkademikament u kapaċi fl-użu tal-mezzi tal-informatika u l-prattiċi legali u proċedurali li fihom ikunu assenjati.”

Dr Chetcuti enfasizza wkoll dwar il-ħtieġa li ssir aktar enfasi fuq is-sistema diġitali biex l-atti kollha jkunu online u faċilment aċċessibbli għall-ġudikanti, l-avukati u l-partijiet. 

Lejn tmiem id-diskors tiegħu, il-Prim Imħallef sostna li b’mod realistiku, b’deċiżjonijiet għaqlin u b’impenn finanzjarju tali li jixraq lil stat demokratiku tiġi attwata soluzzjoni fit-tul għal dawn l-isfidi mingħajr ma jkunu skartati soluzzjonijiet temporanji għall-immedjat. 

“M’għandix dubju li l-ġudikatura Maltija se tibqa’ tagħmel ħilitha kollha biex tkun u tibqa’ tassew istituzzjoni ta’ servizz u pilastru tad-demokrazija,” temm jgħid il-Prim Imħallef Mark Chetcuti. 

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kamra tal-Avukati Dr Louis de Gabriele tkellem dwar żewġ aspetti importanti li jolqtu l-professjoni legali, li huma l-istat tal-professjoni u r-regolamentazzjoni tagħha u s-sigriet professjonali. 

Huwa stqarr ukoll li wasal iż-żmien li l-professjoni legali jkollha qafas regolatorju ġdid, li jkun hemm viżjoni ċara u artikolata ta’ kif għandha tkun regolatat l-professjoni għas-seklu 21. 

“Wasal iż-żmien li mingħajr tlaqlieq nieqfu b’tibdiliet leġiżlattivi f’dan il-kamp li jsiru biss biex kif jgħid il-Malti nraqqgħu l-pannu bil-qargħa aħmar – u flimkien l-awtoritajiet kompetenti u l-kamra tal-Avukati jpoġġu madwar mejda biex isibu l-aħjar mezz ta’ kif għandha tkun regolata l-professjoni fil-qafas ta’ pjan strateġiku,” qal Dr de Gabriele.

Ekonomija

Sport