Friday, March 29, 2024

IL-KLASSI TAL-ĦADDIEMA

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

M’għadniex nitkellmu aktar dwar il-“klassi tal-ħaddiema”. Ġara li l-marksiżmu li kien l-aktar li taha saħħa ta’ espressjoni f’termini politiċi ma baqax moda. Aktar u aktar wara l-waqa’ tal-Unjoni Sovejtika li għalkemm ippreżentat ruħha bħala potenza komunista ftit tat xhieda attraenti ta’ Marksiżmu dinamiku . 

Imbagħad (dejjem f’termini politiċi) saru dominanti fehmiet dwar l-importanza tal-klassi tan-nofs. Illum kulħadd ikejjel is-suċċess politiku ta’ partit skont kemm hu mitqies li għandu l-benedizzjoni tal-“klassi tan-nofs”. Biha biss — igħidulek — jistgħu jintrebħu l-elezzjonijiet.

Sadattant, igħidulek ukoll li l-klassi tal-ħaddiema ma teżistix. Hi invenzjoni marksista. L-idea li s-soċjetà hi maqsuma fi klassijiet hi waħda diviżiva, tajba biss biex tifred lill-poplu. Imma allura kif nitkellmu mbagħad dwar il-klassi tan-nofs?

Il-modi kif in-nies taħdem (u fejn u fhiex) ovvjament inbidlu radikalment minn mitejn sena ilu. Biss, li hawn numru sostanzjali ta’ ċittadini li jiddependu fuq x’jaqilgħu mix-xogħol tagħhom biex jgħixu għadha realtà. 

Ir-realtà tal-klassi tal-ħaddiema.

LIBERALIŻMU

Li tkun liberali llum mitqies bħala t-timbru ta’ xinhu flessibbli, demokratiku, modern, tolleranti: 

Politika li tirranġa biex kulħadd igawdi l-libertajiet personali tiegħu/tagħha kif j/tixtieq. Tmexxija ekonomika li fl-iżvilupp tas-suq “ħieles” tara li kulħadd igawdi, bl-għażla ta’ prodotti u servizzi wiesgħa u tajba li jirriżultaw mill-kompetizzjoni. Skala ta’ valuri li tpoġġi s-sisien tal-ugwaljanza soċjali fl-aċċess għall-edukazzjoni u għall-opportunitajiet ta’ xogħol, lil hinn minn kull konsiderazzjoni klassista. 

Fil-bidu l-liberaliżmu kien mitqies bħala dutrina bla qalb u ruħ, maħsuba biex tkisser id-dinja tradizzjonali bil-valuri bnini tagħha. 

Illum, fuq ħafna fronti, il-liberaliżmu jista’ jiġi akkużat, bla malafama, li serva u qed iservi ta’ paraventu biex l-għonja jistagħnew bla waqfien, waqt li l-bqija jgawdu xi ftit meta l-affarijiet imorru tajjeb u jistaġnaw jew agħar meta jmorru ħażin.

L-IDEAL EWROPEW

L-ideal ta’ għaqda fl-Ewropa bejn il-ġnus ta’ dak il-kontinent hu ideal sabiħ. Jixraqlu kull sostenn. Matul is-sekli dawn il-ġnus rawmu ċ-ċiviltà nazzjonali tagħhom, differenti minn ta’ xulxin. Biss, fihom jinsabu għeruq jixtiebħu ta’ ħsieb, lingwa, twemmin u imġiba.

Matul l-istess sekli l-ġnus Ewropej tqatlu bejniethom bit-telfa ta’ miljuni ta’ ħajjiet fost qerda u atroċitajiet tremendi. L-ideal ta’ għaqda jibni fuq fejn hemm il-ħsus komuni u jbiegħed għal dejjem il-gwerrer.

Imma l-ġenju Ewropew issawwar ukoll mid-differenzi nazzjonali li jagħmluh. Mhux kulħadd jista’ jiġi mdeffes f’għaqda li torbot lil kulħadd jieħu l-istess sura u imġiba. Hekk madankollu ġara u qed jiġri.

B’dal-mod, l-għaqda Ewropea tista’ tispiċċa soġġetta għal tqanqil li jbenġilha bil-kbir u jwaqqfilha kull progress. 

Ekonomija

Sport