Saturday, April 27, 2024

Il-Knisja tirdoppja l-għajnuna lil persuni fil-bżonn minkejja sfidi finanzjarji

Aqra wkoll

Fl‑2022, l‑Arċidjoċesi ta’ Malta żiedet aktar mid-doppju d‑donazzjonijiet tagħha lill‑persuni fil‑bżonn u s‑sussidji lill‑entitajiet b’20%. Dan minkejja li rreġistrat defiċit ta’ €8.8 miljuni, l‑aktar minħabba telf fl‑investimenti tagħha kawża tal‑isfidi kbar preżenti fis‑swieq finanzjarji.

Waqt konferenza tal‑aħbarijiet dwar ir‑rapport finanzjarju annwali tal‑Knisja f’Malta, is‑Segretarju Amministrattiv Michael Pace Ross spjega li l‑effett tal‑gwerra fl‑Ukrajna, iż‑żieda fir‑rati tal‑imgħax, u l‑inflazzjoni affettwaw ħażin id‑dħul tal‑Arċidjoċesi, li tiġbor fiha aktar minn 100 entità u timpjega 1,300 persuna.

Is‑Sur Pace Ross qal li minkejja l-isfidi finanzjarji li jeżistu, il‑Knisja kompliet tagħmel ħilitha biex tgħin numru dejjem akbar ta’ nies li qed ifittxu l‑għajnuna tagħha minħabba l‑piż tal‑għoli tal‑ħajja, speċjalment fejn jidħlu l‑ikel u l‑affarijiet bażiċi. Barra minn hekk, l‑Arċidjoċesi kompliet tgħin lil diversi entitajiet permezz ta’ għajnuna finanzjarja fost l‑oħrajn.

In‑nefqa għall‑Arċidjoċesi żdiedet b’€7.3 miljun meta mqabbla mas‑sena ta’ qabel. Aktar minn €1.2 miljun ingħataw lill‑persuni fil‑bżonn, filwaqt li ntefqu €3.4 miljuni għall‑manutenzjoni, ir‑restawr, u l‑konservazzjoni ta’ proprjetà u patrimonju ekkleżjastiku. Barra minn hekk, l‑Arċidjoċesi ħallset €2.5 miljun f’taxxi.

“Fuq nota aktar pożittiva, mqabbla mas‑sena ta’ qabel meta l‑knejjes u attivitajiet marbuta mal‑Knisja kienu mġiegħla jonqsu minħabba l‑COVID‑19, il‑ġbir u d‑donazzjonijiet mill‑parroċċi żdiedu bi 17% għal €1.6 miljun. Madankollu, dan id‑dħul importanti għadu ma ġiex għal‑livelli ta’ qabel il‑pandemija,” qal is‑Sur Pace Ross.

Is‑Segretarju Amministrattiv semma diversi proġetti tal‑Knisja biex tkompli bil‑missjoni tagħha u tkun qrib dawk l‑iktar fil‑bżonn. Fost dawn l‑inizjattivi hemm it‑twaqqif tal‑Fondazzjoni għal Akkomodazzjoni Affordabbli, it‑tqassim tal‑ikel mill‑parroċċi lill‑individwi fil‑bżonn, kif ukoll il‑ħidma li ssir mat‑tfal u ż‑żgħażagħ, vittmi ta’ vjolenza domestika u forom oħra ta’ abbuż, migrant, u dawk li qed jirrabilitaw ruħhom minn abbuż ta’ sustanzi u vizzji oħrajn.

F’isem l‑Isqfijiet ta’ Malta, is‑Sur Pace Ross irringrazzja lill‑ħaddiema, il‑voluntiera u l‑poplu Malti kollu għas‑sapport tagħhom sabiex il‑Knisja tkompli b’ħidmietha anke f’dawn iż‑żminijiet. Appella wkoll għad‑donazzjonijiet fuq knisja.mt/donazzjonijiet.

Sport