Monday, May 13, 2024

Jiftaħ l-istaġun tal-qtugħ tal-għeneb għall-produzzjoni tal-inbid

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo fetaħ b’mod uffiċjali l-istaġun tal-qtugħ tal-għeneb. Wara l-ħidma mill-bdiewa Maltin u Għawdxin, f’dan ix-xahar jibda jinqata’ l-għeneb għall-produzzjoni tal-inbid.

Il-Ministru Anton Refalo spjega kif f’dan l-istaġun, ix-xita ġiet irreġistrata tard fir-rebbiegħa u kompliet f’Ġunju, u dan wassal għal moffa fid-dwieli. F’dan ir-rigward, il-Ministru Refalo nnota li l-bdiewa mxew mal-linji gwida tal-Integrated Pest Management maħruġa mid-Direttorat tal-Agrikoltura, u għaldaqstant irnexxilhom jikkontrollaw dan it-tip ta’ mard b’mod effettiv.

“Dan ikompli jikkonferma l-importanza tax-xogħol li qed jsir f’dan id-Direttorat sabiex joffri għajnuna daqshekk importanti lill-bdiewa Maltin u Għawdxin,” qal il-Ministru Refalo.

L-Uffiċjal Kap Agrikolu Darren Borg mid-Direttorat tal-Agrikoltura spjega kif l-għeneb jikber u jimmatura bejn ir-rebbiegħa u s-sajf, iżda kull sena l-istaġun tat-tkabbir jvarja minn staġun għall-ieħor.

“Din is-sena l-istaġun beda’ pjuttost frisk u b’iktar xita mis-soltu. Dan wassal għal staġun li beda b’maturazzjoni aktar tard mis-soltu speċjalment fuq ċertu varjetajiet. Fil-ġimgħat ta’ Lulju mbagħad kellna mewġa ta’ sħana aktar minn norma li poġġiet id-dwieli taħt stress f’dan il-perjodu. Dawn il-partikolaritajiet huma li jagħmlu s-snin differenti fil-produzzjoni tal-istess inbid. Il-qtugħ issa beda’ bil-varjetajiet bojod bikrin u mistenni jkompli sal-aħħar ta’ Settembru,” spjega s-Sur Borg

Il-Ministru Refalo temm jgħid, “L-inbid ta’ kwalità hu wieħed mill-prodotti li għandu rabta diretta ma’ pajjiżna, u wieħed irid ifakkar kif dan il-prodott huwa mfittex ħafna mit-turisti li jżuru l-gżejjer Maltin u l-kwalità hija rikonoxxuta anke mill-Unjoni Ewropeja li tkompli ssaħħaħ l-importanza tas-settur agrikolu ġewwa pajjiżna.”

Sport