Il-Koħħu: “Schembri u Cardona kienu involuti” fil-pjan tal-qtil

Aqra wkoll

Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu, qal lill-pulizija li Keith Schembri u l-eks ministru Chris Cardona kienu involuti fil-pjan biex tinqatel Daphne Caruana Galizia, fi statements li d-difiża qrat lill-ġurati waqt il-kontro-eżami tal-Ispettur Kurt Zahra.
Muscat kien qal li David Gatt kien tahom il-“go-ahead” biex Caruana Galizia tinqatel u li l-pjan għall-qtil kien diġà beda jitħejja fl-2014 jew fl-2015. Huwa qal ukoll li Alfred Degiorgio, il-Fulu, kien mar għand Cardona wara li qabel kien għamel mill-inqas “xogħol wieħed ieħor” għalih.

F’parti oħra, Muscat kien qal li ma kellu “l-ebda dubju” li l-qtil kien iseħħ anke kieku Yorgen Fenech u Melvin Theuma ma kinux involuti.
Id-difiża kompliet tibni l-mistoqsijiet tagħha madwar tpinġija li l-pulizija kienet użat waqt l-interrogazzjoni ta’ Muscat, fejn persuni kienu indikati bl-ittri A, B, C u D. Skont il-linja ta’ mistoqsijiet tad-difiża, “C” kienet tirreferi għal Schembri u “D” għal Cardona. Zahra qal li l-investigaturi mhux bilfors kienu jafu min kien jirrappreżenta kull ittra, iżda ammetta li, kieku kellu jagħmel suppożizzjoni, “D” kienet tirrappreżenta lil Cardona.

Id-difiża staqsiet ukoll lil Zahra dwar jekk l-informazzjoni dwar l-arresti kinitx għaddiet minn Schembri għand Fenech u mbagħad għand Theuma.

Zahra qal li l-indikazzjonijiet kienu li l-informazzjoni għaddiet “minn Keith, għand Yorgen, għand Melvin”. Huwa kkonferma wkoll li jiftakar li Muscat kien qal li l-irġiel kienu jafu minn qabel li kienu se jiġu arrestati. Mistoqsi dwar messaġġ li fih Schembri allegatament qal lil George Degiorgio biex “keep your heads up”, Zahra qal li jiftakar ir-referenza, iżda li hu kien jiftakarha b’rabta ma’ proċeduri fil-qorti u mhux mal-arresti. Huwa qal li l-informazzjoni dwar l-arresti kienet għaddiet minn Theuma. Id-difiża kompliet ukoll tisħaq fuq dak li allegatament kien qal Theuma dwar Schembri li kien “il-ħin kollu jiġri warajh” biex jinqatel Caruana Galizia.

Zahra talab biex jara r-recording qabel iwieġeb, u qal li ma jiftakarx li sema’ dan il-kliem, għalkemm ma eskludiex li seta’ semgħu snin ilu.
Il-kontro-eżami mbagħad daħal ukoll f’dikjarazzjonijiet ta’ Muscat dwar Schembri u Cardona. F’parti li nqrat lill-ġurati, Muscat qal: “C (Keith Schembri) and D (Chris Cardona) kienu involuti.” Huwa qal ukoll li Gatt kien ta l-approvazzjoni tiegħu biex il-qtil iseħħ u li l-pjan kien ilu jitħejja għal snin.

Intant, il-Qorti kellha tintervjeni meta Giannella De Marco għolliet it-tpinġija quddiem il-ġurati. L-Imħallef Edwina Grima ordnatilha tbaxxiha, u fakkret li d-dokument ma kienx jagħmel parti mill-atti tal-kawża. Il-kontro-eżami se jkompli iżjed tard hekk kif id-difiża tkompli tisfida lil Zahra dwar kemm il-pulizija segwiet l-allegazzjonijiet u l-informazzjoni li kienet qed toħroġ matul l-investigazzjoni.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport