L-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Rockestra b’risq il-Malta Community Chest Fund se ssir nhar is-Sibt 26 ta’ Settembru, u se tfakkar il-memorja tal-Maestro Aurelio Belli, li kien jorganizzaha minn qalbu u li tant ħadem u stinka għaliha.
Kien għalhekk li ntgħażlet it-tema ‘What a Wonderful World’, li hu wkoll it-titlu tal-kanzunetta favorita tal-Maestro Belli. Il-familja ta’ Aurelio Belli se tkun ukoll parti integrali mill-edizzjoni ta’ din is-sena, u martu Gloriana Arpa Belli se tkun waħda mill-artisti ewlenin.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz ta’ Sant’Anton, li matulha tnediet Rockestra ta’ din is-sena, id-Direttur Artistiku Pawlu Borg Bonaci fakkar fil-mumenti sbieħ u ta’ ferħ li hu u t-tim organizzattiv qattgħu ma’ Maestro Belli fl-organizzazzjoni tal-edizzjonijiet preċedenti.
“Meta nħares lura, dawn huma l-mumenti li nixtieq nibqa’ niftakar f’Aurelio u l-iktar ħaġa li qed ittina kuraġġ biex inkomplu din l-istorja,” stqarr Borg Bonaci.
Fakkar li Aurelio Belli kien jirrimarka li waqt li kien jieħu gost jorganizza Rockestra, kien qed igawdi minnha wkoll frott l-għajnuna li sab mill-Malta Community Chest Fund matul il-ġlieda twila u kuraġġuża tiegħu kontra l-mard.
Għalhekk, Pawlu Borg Bonaci qal li l-idea tal-organizzaturi hi li din l-edizzjoni tkun ċelebrazzjoni tal-ħajja, riflessa fil-kanzunetta ‘What a Wonderful World’, li tiċċelebra s-sbuħija tal-ħajja u li fil-qofol tagħha għandha lit-tfal ikantaw, in-natura u r-rabtiet umani minkejja l-isfidi u t-tensjonijiet soċjali.
Din is-sena, tliet Diretturi Mużikali se jingħaqdu flimkien biex jimlew il-vojt li ħalla warajh Aurelio Belli, bil-maestri Daniel Cauchi, Kevin Abela u Aleandro Spiteri Monsigneur, li t-tlieta li huma ħadmu ma’ Maestro Belli u flimkien mal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali se jmexxu lill-mużiċisti u l-artisti matul is-serata.
“Matul is-snin jien u Belli konna nduru lejn Daniel, Kevin u Aleandro biex jgħinuna fl-arranġamenti, daqqew f’Rockestra u għalhekk diġà huma parti mill-familja ta’ Rockestra u hu grazzi għalihom ukoll li Aurelio se jkun magħna f’qalbna, fl-ispirtu u fil-mużika,” qal Borg Bonaci.
Rockestra ta’ din is-sena se tiġbor flimkien lil diversi artisti lokali ewlenin, u fost l-oħrajn se tara r-ritorn tal-grupp Animae, li reġa’ ngħaqad għal din l-okkażjoni. Dan minbarra Pawlu Borg Bonaci nnifsu, kif ukoll Kenneth Calleja, Joe Roscoe, Gianni Zammit, Janice Debattista, Kersten Graham, Matthew James Borg, Karin Duff, Carmelo Ebejer, Petra Zammit, Joelene Samhan, David Lowe, Konrad Pule, Martina Borg, Pamela Bezzina, Klinsmann Coleiro, Ivan Grech, Frank Calleja, Chris Grech, Ira Losco u Gloriana Arpa Belli, li se jkantaw kanzunetti b’arranġamenti mużikali ta’ Aurelio Belli nnifsu.
Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta fissret l-edizzjoni ta’ din is-sena bħala waħda emozzjonali.
“In-nuqqas tat-tbissima ta’ Maestro Belli u l-kuraġġ li kien jagħmlilna se nħossuhom, imma għandna tim li qed jaħdem fuq spettaklu sabiħ ħafna li se jagħmel ġieħ lill-memorja tiegħu,” fissret il-President ta’ Malta.
L-Eċċellenza Tagħha rringrazzjat lil dawk kollha li jattendu ta’ kull sena, imma wkoll dawk li se jattendu għall-ewwel darba, għaliex bil-preżenza tagħhom se jkunu qed jgħinu lill-Malta Community Chest Fund biex tassisti lil dawk kollha li jiġu bżonnha, mhux biss għall-kura tal-kanċer imma wkoll għal assistenza fit-trattament ta’ mard u ċirkostanzi soċjali oħra.
Inizjattiva ġdida għal Rockestra ta’ din is-sena hi wirja fotografika li se tiċċelebra l-edizzjonijiet preċedenti ta’ Rockestra. Permezz ta’ kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti, fotografi li attendew xi edizzjoni ta’ Rockestra se jkunu jistgħu jissottomettu r-ritratti tagħhom biex flimkien joħolqu memorja kollettiva viżwali.
Eric Fenech Sevasta, Chief Operating Officer tal-Kunsill Malti għall-Arti ħabbar li s-sejħa għall-parteċipazzjoni tal-fotografi li jixtiequ jesebixxu x-xogħol artistiku tagħhom se toħroġ fil-jiem li ġejjin, u d-dettalji jinkisbu mis-sit artscouncilmalta.gov.mt.
Il-biljetti għal Rockestra jinsabu disponibbli minn Showshappening.com u din is-sena għaddejja wkoll offerta ta’ Early Bird Tickets li tibqa’ valida sa tmiem dan ix-xahar. Permezz ta’ din l-offerta, min jakkwista erba’ biljetti se jħallas biss għal tlieta.
Se jerġa’ jkun organizzat ukoll ir-Rockestra After Party f’UNO Malta, b’risq il-Malta Community Chest Fund, fejn dawk li jattendu se jkunu jistgħu jkomplu jgawdu s-serata waqt li jiltaqgħu mill-qrib mal-artisti.
Rockestra hi possibbli grazzi għall-appoġġ tal-Malta Philharmonic Orchestra, Enemed, Social Causes Fund, Bank of Valletta, Arts Council Malta, Visit Malta, Mapfre – MSV Life, General Soft Drinks, Eurospin, Melita u Festivals Malta.
