Tuesday, April 29, 2025

IL-KOLONNA TURISTIKA

Aqra wkoll

Il-Viżjoni 2050 għal Malta tikkonferma li t-turiżmu għandu jibqa’ kolonna tal-ekonomija Maltija. L-iżvilupp tiegħu sar fuq skala li mhux daqstant ilu, kienet inimaġinabbli u l-mira hi li dan jibqa’ jiġri b’mod aktar moderat. 

Hu settur ta’ attività li joffri valur miżjud tajjeb għalkemm ta’ spiss wisq ħalla impatt ħażin fuq il-wirt naturali tal-pajjiż. Kabbar fostna matul is-snin, fond ta’ expertise dwaru li xi kumpaniji ta’ inizjattiva għarfu kif jużaw biex joħolqu proġetti ta’ esportazzjoni turistika. 

  Il-gvern se jagħmel tajjeb li jinkoraġġixxi proġetti turistiċi li jħallu warajhom dħul akbar. Forsi tkun ħaġa tajba wkoll li fejn u kif jista’ – jew meta tqum l-okkażjoni, ikollu għodda lesta biex jinkoraġġixi aktar inizjattivi ta’ esportazzjoni turistika.

SONDAĠĠI

Minn xi snin lil hawn, tnaqqset il-frekwenza ta’ elezzjonijiet fil-pajjiż. L-ankra għal kif inqisu l-popolarità tal-partiti politiċi saret tippernja madwar is-sondaġġi publikati mill-gazzetti. Oħrajn jinżammu fil-magħluq mill-partiti.

B’hekk, nafu li l-Partit Laburista baqa’ jsostni l-popolarità tiegħu imqabbla ma’ tal-Partit Nazzjonalista u riċentement x’aktarx li żiedha. Fl-aħħar żminijiet, meta naqqas mir-rankatura, dan ġara għax il-votanti tiegħu jidher li birdu, mhux għax żdied l-appoġġ għall-PN. Jekk irpilja, dan ġara għax dawk li birdu jew uħud minnhom, donnhom lesti jerġgħu jivvotawlu.

Għaliex qed jiġri dan? Għax il-gvern qed jinrexxilu jikkonvinċi li qed imexxi tajjeb mill-ġdid? Jew għax kif jinsab  miexi, il-PN qed iriegħex lill-astensjonisti Laburisti tant li se jerġħu jivvotaw Labour? Fuq hekk, is-sondaġġi publikati jibqgħu siekta. Mis-sondaġġi privati tagħhom, l-istrateġisti tal-partiti jkollhom tweġiba.

MEWT ASSISTITA

Riforma li wasal sew iż-żmien tagħha u li ġiet imwegħda fil-programm elettorali Laburista hi l-introduzzjoni tad-dritt għal mewt assistita fil-liġijiet tal-pajjiż. Numru ta’ pajjiżi Ewropej diġà daħħluh u għandhom esperjenza wiesgħa ta’ kif jiġi applikat. Għandna  x’nitgħallmu mill-esperjenza tagħhom. 

Ir-riforma se tqajjem ir-reżistenza ta’ forzi soċjali tradizzjonali fil-pajjiż, l-aktar tal-Knisja Kattolika. Ċerti referenzi li saru f’omelji riċenti minn rappreżentanti għolja tagħha juru minn fejn se jonfoħ ir-riħ. Ir-riżervi li se jitqanqlu jridu jiġu affaċċjati b’mod onest u seren. 

  Ir-riforma jeħtieġ issir b’attenzjoni kbira biex waqt li tiddaħħal, is-servizzi ta’ kura paljattiva jibqgħu jiġu msaħħa bil-kbir. Is-salvagwardji kontra l-manipulazzjoni tal-mewt assistita jridu jkunu tal-azzar. L-oġġezzjonijiet personali ta’ professjonisti għal raġunijiet ta’ kuxjenza iridu jiġu rispettati.

Għax l-argument li d-dritt għal mewt assistita għandu jiċċaħħad lil min qed isofri uġigħ tal-ġenn li jiġri x’jiġri qed iwasslu lejn il-mewt żgura, mhu l-ebda difiża tad-dinjità u s-sagralità tal-ħajja, kif jingħad.  Bil-maqlub, hu l-kontradizzjoni krudila tagħħom. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport