B’riżultat ta’ ftehim bejn SportMalta fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja u l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa, il-komunità ta’ Ħal Farruġ, li tifforma parti mil-lokalità ta’ Ħal Luqa u li fiha joqogħdu 580 resident, se tkun tista’ tagħmel użu mill-faċilitajiet għall-eżerċizzji fiżiċi li SportMalta għandha f’Ta’ Kandja.
L-użu ta’ dawn il-faċilitajiet se jkun mingħajr ħlas u se jkunu eliġibbli għalih persuni li l-età tagħhom hija minn 16-il sena ’l fuq.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli, li kienet preżenti għall-iffirmar tal-ftehim, iddeskrivietu bħala investiment ieħor li se jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
“Huma diversi l-fatturi li jikkontribwixxu għal x’livell ta’ kwalità ta’ ħajja jkun qed jgħix il-poplu. Ekonomija soda, servizzi edukattivi u ta’ saħħa, drittijiet ċivili, servizzi soċjali, u servizzi u benefiċċji lil persuni b’diżabilità huma fost dawn il-fatturi, u li ċertament li l-gvern ta aktar minn prova waħda ta’ kemm mexxa lill-pajjiż ’il quddiem fihom. Xjentifikament u medikament, hu stabbilit li eżerċizzju fiżiku hu kruċjali għall-benesseri tal-individwu. Qed naħsbu għal dan ukoll. Tista’ tgħid li għandna faċilitajiet sportivi f’kull belt u raħal u qegħdin niżviluppaw il-kunċett li nipprovdu apparat għall-eżerċizzi fiżiċi fil-miftuħ b’kordinazzjoni mal-kunsilli lokali u SportMalta biex ikun jista’ jintuża mir-residenti tal-lokalità.”
Il-Ministru Farrugia Portelli żiedet tgħid li, “Qegħdin inkomplu niżviluppaw il-kunċett li jittejbu l-attivitajiet sportivi u fiżiċi fil-komunitajiet, bħalma huwa l-ftehim bejn SportMalta u l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa, li apparti li huma utli ħafna biex dak li jkun iżomm ruħu f’saħħtu, fl-istess ħin iservu wkoll ta’ rilassament mentali, rilassament li jirrendi kwalità ta’ ħajja aħjar. Il-komunità ta’ Ħal Farruġ se tkun tista’ tibbenefika mill-faċilitajiet għall-eżerċizzji fiżiċi li SportMalta għandha f’Ta’ Kandja.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima rrimarka kif ġimgħa wara oħra, permezz tal-proġetti sportivi fil-komunità, il-gvern qiegħed ikompli juri kemm verament irid itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti.
Is-Segretarju Parlamentari qal li, “L-għan ħolistiku ta’ dawn il-proġetti komunitarji u sportivi huwa li l-poplu jintegra ma’ xulxin filwaqt li jsib ħin biex jeżerċita ruħu u jżomm ruħu attiv kemm jista’ jkun”.
Is-Segretarju Parlamentari żied jgħid li, bl-għajnuna tal-kunsill lokali flimkien mar-rieda tal-gvern u SportMalta, aktar nies qed jibbenifikaw minn attivitajiet sportivi bla ħlas biex ikollna poplu b’saħħtu.
Iċ-Chairman ta’ SportMalta Luciano Busuttil qal li SportMalta dejjem tfittex mezzi differenti sabiex tilħaq aktar nies biex jagħmlu attività fiżika. Huwa qal li SportMalta akkwistat dan l-apparat għal attivitajiet tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport u poġġiet dan l-apparat għad-dispożizzjoni permanenti tal-pubbliku sabiex jitgawda s-sena kollha.
Is-Sindku ta’ Ħal Luqa John Schembri saħaq li din l-inizjattiva hi waħda pożittiva li se tkun qed tagħti opportunità lir-residenti ta’ Ħal Farruġ biex jagħmlu użu minn din il-faċilità bla ħlas. Is-Sindku ħeġġeġ lir-residenti ta’ Ħal Farruġ sabiex japplikaw għall-sħubija mill-Kunsill Lokali.