Thursday, April 18, 2024

Il-konfronti passati bejn Malta u l-Maċedonja

Aqra wkoll

Il-konfront tal-lum bejn il-Maċedonja u Malta li se jintlagħab fi Skopje, se jkun s-seba’ wieħed fl-istorja bejn iż-żewġ pajjiżi fejn l-avversarji tagħna għadhom qatt ma spiċċaw fuq in-naħa telliefa waqt li l-Maltin ħadu biss draw mis-sitt logħbiet li saru’issa.

Il-coaches diversi għażlu 47 player f’dawn is-sitt logħbiet b’dawk li jilagħbu f’ħamsa minnhom ikunu Gilbert Agius, Jeffrey Chetcuti, David Carabott u Noel Turner.

Dawn li ġejjin huma dettalji dwar il-konfronti tal-passat li l-ewwel tnejn u l-aħħar tnejn kienu partiti ta’ ħbiberija u t-tnejn l-oħra mill-preliminari tal-Euro 2000.

27 TA’ MARZU, 1996 (Partita ta’ Ħbiberija)

*L-ewwel laqgħa bejn iż-żewġ pajjiżi li kienet waħda ta’ ħbiberija saret fis-27 ta’ Marzu, 1996, fi Prilep, u f’xita kontinwa l-Maċedonja ħarġu rebbieħa 1-0 bil-goal importanti jasal fis-70 minuta minn Saso Ciric li kien jilgħab ma’ Aarau fl-Isvizzera

Fil-logħba kien iddebutta Aldrin Muscat ta’ Sliema W. li daħal bħala sostitut minflok David Carabott (Hibernians).

Ir-referee kien Ibrahim Aksoy tat-Turkija, il-coach ta’ Malta kien il-Jugoslav Milorad Kosanovic u l-attendenza kienet ta’ 5,000 spettatur.

27 TA’ NOVEMBRU, 1996 (Partita ta’ Ħbiberija)

*Din il-logħba li ntlagħbet f’Ta’ Qali kienet waħda reċiproka għal dik ta’ qabilha fejn il-Maċedonja ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0 b’goals fl-ewwel u fit-tieni taqsima. Kien Vanco Micevski li fetaħ l-iskor fis-37 minuta waqt li Sasa Ciric reġa’ niżżel ismu fost l-iskorers meta fid-89 minuta ssiġilla r-rebħa minn penalty.

Ir-referee kien il-Malti, Charles Agius, il-coach ta’ Malta kien Milorad Kosanovic bl-attendenza tkun ta’ 450 spettatur.

6 TA’ SETTEMBRU, 1998 (Preliminati Euro 2000)

*L-ewwel konfront kompetittiv wasal sentejn wara meta fi Skopje, il-Maċedonja kienu ħarġu rebbieħa 4-0 bl-ewwel goal jasal f’nofs l-ewwel taqsima u t-tlieta l-oħra wara l-mistrieħ biex b’hekk huma rebħu l-ewwel tliet punti kompetittivi bejn iż-żewġ naħat.

Kien Risto Bozinov li fetaħ l-iskor fl-20 minuta u fit-48 minuta kiseb doppjetta bit-tieni goal b’sieħbu Artim Shakiri ma joqogħdx lura meta anke hu skorja doppjetta fl-74 u fit-80 minuta.

Ir-referee kien l-Olandiż Jan Wegereff, il-coach ta’ Malta kien Jugoslav ieħor, Jisip Ilic, u l-attendenza kienet ta’ 8,000 spettatur.

18 TA’ NOVEMBRU, 1998 (Preliminari Euro 2000)

*Fil-partita ta’ ritorn il-Maċedonja għamluhom sitt punti minn fuq Malta meta f’Ta’ Qali ħarġu rebbieħa 2-1 wara li kienu fetħu vantaġġ ta’ żewġ goals.

Kien Igor Nikolovski li fetaħ l-iskor fid-49 minuta waqt li Srdan Zaharievski rdoppja fit-62 minuta. Għal Malta naqqas il-marġni Paul Sixsmith (Naxxar L.) fit-68 minuta bil-goal ikun l-ewwel wieħed għat-team tagħna kontra l-Maċedonja.

Ir-referee kien Sergej Shmolik tal-Belarus, il-coach tagħna reġa’ kien Ilic u l-attendenza kienet ta’ 4,671 spettatur.

21 TA’ AWWISSU, 2002 (Partita ta’ Ħbiberija)

*Il-ħames konfront li ntlagħab fi Skopje, ra lil Maċedonja jiksbu l-ikbar rebħa meta għelbu lil Malta 5-0 fit-tielet partita ta’ ħbiberija bejniet­hom.

Il-Maċedonja skorjaw goal fl-ewwel taqsima minn Aco Stojkov (37) u wara l-mistrieħ Artim Shakiri (40, 60), Georgi Hristov (54) u l-aktar player magħruf mal-Maltin, Goran Pandev (86) għamluhom ħamsa.

Ir-referee kien il-Kroat Supraha Alojzije, il-coach ta’ Malta kien Sigfried Held u l-attendenza kienet ta’ 4,000 spettatur.

11 TA’ AWWISSU, 2010 (Partita ta’ Ħbi­berija)

*L-aħħar laqgħa bejn iż-żewġ pajjiżi s’issa seħħet 13-il sena ilu meta f’Ta’ Qali l-logħba ntemmet fi draw ta’ 1-1 u b’ko-inċidenza l-ew­wel riżultat pożittiv għalina kien meta kellna lil John Buttigieg bħala coach nazzjonali.

Kien Ivan Trickovski (37) li fetaħ l-iskor għal Maċedonja, iżda ftit wara l-mistrieħ Michael Mifsud (47) kiseb il-goal tad-draw.

Ir-referee kien it-Taljan, Gabriele Rossi, il-coach Malti kien John Butti­gieg u l-attendenza kienet ta’ 2,500 spettatur.

Ekonomija

Sport