Il-konnettività u l-infurzar fost it-temi diskussi bejn il-Prim Ministru Robert Abela u l-MHRA waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni dwar il-Budget 2027

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti, l-MHRA, fil-Berġa ta’ Kastilja, bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-Budget 2027. Matul il-laqgħa, l-MHRA ppreżentat il-proposti tagħha lill-Gvern għall-budget tas-sena d-dieħla.

Il-Prim Ministru saħaq li dan il-proċess ta’ konsultazzjoni huwa importanti biex il-Gvern ikompli jisma’ direttament lill-operaturi dwar il-prijoritajiet tas-settur u l-ħtiġijiet tas-settur turistiku.

Dr Abela aċċenna dwar l-importanza, kemm tal-infurzar kif ukoll tal-konnettività, fil-viżjoni tal-Gvern li jattira aktar investiment u turisti ta’ kwalità.

Huwa semma l-introduzzjoni tal-on-the-spot fines u kif sa issa diġà ngħataw total ta’ 1,400 multa. Irrimarka kif il-Gvern illeġiżla wkoll biex f’każi fejn il-multa taqbeż il-€200 it-turist jista’ saħansitra jiġi deportat mill-pajjiż.

Il-Prim Ministru semma wkoll l-ispezzjonijiet ta’ infurzar li jsiru b’mod kontinwu mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) biex ikun assigurat li diversi operaturi qed isegwu l-liġijiet stabbiliti u li għandhom il-liċenzji neċessarji biex joperaw. Sa issa matul din is-sena saru total ta’ 4,215-il spezzjoni u li minnhom ħarġu 22 avviż ta’ infurzar u 106 multi amministrattivi. Dawn l-ispezzjonijiet isiru f’diversi postijiet, fosthom fil-bajjiet u f’żoni fejn hemm diversi ristoranti, kif ukoll f’appartamenti short-let. Fil-fatt, bħalissa għaddejjin ukoll investigazzjonijiet fuq 169 proprjetà, li qed joperaw bħala Holiday Furnished Premises, wara suspetti li dawn kienu qed joperaw illegalment.

“In-numri huma importanti, imma issa li lħaqna l-massa kritika qed inħarsu dejjem aktar lejn turiżmu u investiment fis-settur li jkun ta’ kwalità għolja,” qal Dr Abela.

Dr Abela qal li l-budget li ġej għandu jitqies bħala pass ieħor fit-twettiq tal-Viżjoni Malta 2050. Huwa saħaq li l-ambizzjoni tal-Gvern tibqa’ dik li jkompli jiżviluppa b’mod sostenibbli s-suċċess li nkiseb fil-qasam turistiku, u b’hekk jibqa’ jingħata dejjem aktar importanza l-ħtieġa li jiġu prijoritizzati l-kwalità, il-valur turistiku u s-sostenibbiltà.

Fost prijoritajiet oħra li ġew diskussi mar-rappreżentanti tal-MHRA kien hemm it-tisħiħ tal-konnettività, l-investiment fil-ħiliet u l-professjonalità tal-ħaddiema, il-governanza, kif ukoll il-ħtieġa li n-negozji jkomplu jingħataw il-kundizzjonijiet biex jinvestu, jimmodernizzaw u jgħollu l-istandards tagħhom.

Il-Prim Ministru temm jgħid li l-għan jibqa’ li t-turiżmu jkompli jkun mutur ewlieni tal-ekonomija Maltija, biex b’hekk jibqa’ jikkontribwixxi għal kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin.

Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru għal din il-laqgħa kien hemm id-Deputat Prim Ministru Ian Borg, il-Ministri Silvio Schembri, Clint Camilleri, Jo Etienne Abela u Glenn Bedingfield, id-Deputat Alex Muscat u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Mark Mallia.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport