Malta ospitat l-Future Talent Forum hekk kif SkillScape timraħ fuq skala dinjija

Aqra wkoll

‘Future Ready, People First’ kienet is-sejħa ta’ SkillScape Global, fejn Malta laqgħet lil diversi mexxejja dinjin minn gvernijiet, negozji u mill-edukazzjoni għall-hekk imsejjaħ Future Talent Forum Malta, SkillScape Global f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, il-Belt.

Dan il-forum internazzjonali ta’ jumejn hu frott il-kollaborazzjoni sfiqa bejn il-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet u l-Future Talent Council, u xprunat mis-suċċess tal-inizjattiva annwali SkillScape tal-Kunsill għall-Ħiliet, din id-darba fuq livell internazzjonali.

Bit-tema ‘Building Future-Ready Workforce Systems for Every Learner & Worker’ (Nibnu sistemi tal-forza tax-xogħol li jkunu lesti għall-ġejjieni ta’ kull student u ta’ kull ħaddiem), il-Forum iffoka fuq waħda mill-isfidi ewlenin li qed isibu l-pajjiżi llum: kif il-gvernijiet, is-sistemi edukattivi u dawk li jħaddmu jistgħu jmorru lil hinn minn sempliċiment tbassir dwar il-futur tax-xogħol u jibdew isawru sistemi prattiċi li jkunu kapaċi jirreaġixxu għal bidliet teknoloġiċi, ekonomiċi u soċjali tant mgħaġġlin.

L-intelliġenza artifiċjali kienet suġġett predominanti fid-diskussjonijiet. Madankollu, il-Forum mar lil hinn mit-teknoloġija nnifisha u analizza kif il-ġudizzju uman, l-adattabbiltà, it-tagħlim tul il-ħajja, u r-reżiljenza jistgħu jsiru fulkru tas-sistemi edukattivi u tal-forza tax-xogħol.

Il-programm laqqa’ bosta fehmiet u perspettivi lokali u internazzjonali permezz ta’ diskorsi ewlenin, diskussjonijiet transsettorjali ma’ panels, taħdidiet iffokati madwar il-mejda, u sessjonijiet maħsuba għal skambji oħrajn. Id-diskussjonijiet esploraw is-suq tax-xogħol tal-AI, l-istrateġiji nazzjonali għall-AI, il-ħiliet tal-ġejjieni, it-tagħlim tul il-ħajja, is-sħubijiet bejn dawk li jħaddmu u l-edukazzjoni, l-intelliġenza ibrida u r-rwol dejjem jinbidel tat-tmexxija ta’ talent.

Fost il-kontributuri internazzjonali għall-Forum kien hemm Daniel Kjellsson, id-Direttur Ġenerali tal-Future Talent Council, El Iza Mohamedou, il-Kap taċ-Ċentru tal-Ħiliet tal-OECD, u Monika Bielskyte, l-ewwel “Futurist-in-Residence” tan-NIKE u l-fundatriċi ta’ Protopia Futures. Malta kienet irrappreżentata miċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet, Dr Jeffrey Pullicino Orlando.

Dr Jeffrey Pullicino Orlando, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet qal, “L-inizjattiva SkillScape kienet maħsuba mill-bidu nett biex toħloq spazju biex inkunu nistgħu nisfidaw is-suppożizzjonijiet tagħna, u biex nistħarrġu serjament dak li pajjiżna jeħtieġ għall-ġejjieni. Li SkillScape issa tersaq lejn pjattaforma globali tkun il-pass naturali li jmiss. Malta għandha opportunità biex mhux biss titgħallem mill-esperjenza internazzjonali, iżda anki biex taqsam il-perspettivi tagħha bħala pajjiż żgħir u aġli li qed jixtarr kif id-dinja edukattiva, tal-ħiliet u tax-xogħol jeħtieġ jevolvu.”

Daniel Kjellsson, Direttur Ġenerali tal-Future Talent Council, stqarr li: “Madwar id-dinja, mexxejja fil-gvern, fl-edukazzjoni u fin-negozju jistaqsuni dwar dak li qed jiġri f’Malta. L-investimenti innovattivi fl-iżvilupp tal-ħiliet u l-pass impressjonanti li bih l-ambizzjoni qed tinbidel f’azzjoni qed jiġġeneraw interess globalment. Il-pass teknoloġiku tal-bidla li qed naraw illum qed jagħmel is-swieq li jimxu b’pass mgħaġġel il-mexxejja l-ġodda.”

Il-Forum jixhed tibdil kontinwu fil-perspettiva internazzjonali li minflok għandna nħarsu lejn il-ħiliet bħala sett statiku ta’ kompetenzi, nibdew nifmhu u nqisu l-kapaċitajiet u r-reżiljenza tan-nies bħala element essenzjali għall-kompetittività ekonomika u soċjali. Issa li l-AI qed kulma jmur iwettaq struzzjonijiet li tradizzjonalment kienu assoċjati mal-għerf tal-bniedem, l-attenzjoni qed tersaq lejn il-mod kif in-nies japplikaw l-għarfien tagħhom, jagħmlu ġudizzju, jadattaw għall-bidliet, u jibqgħu jitgħallmu tul ħajjithom.

Dan hu rilevanti b’mod partikolari għal pajjiżna hekk kif Malta qed tistinka biex issaħħaħ ir-rabtiet essenzjali bejn l-edukazzjoni, l-iżvilupp tal-ħiliet, it-tagħlim tul il-ħajja u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

Il-programm tal-Forum hu ppjanat fuq erba’ oqsma ewlenin: Prospettiva Dinjija: il-Kapital u l-Kapaċitajiet, Sistemi tal-Forza tax-Xogħol Lesti għall-Ġejjieni, Minn Għarfien għall-Azzjoni, u l-Futur tal-Edukazzjoni u t-Tagħlim Tul il-Ħajja. Ingħatat attenzjoni partikolari liż-żgħażagħ, bħala rikonoxximent li dawn jeħtieġu mhux biss ikunu ppreparati għal futur li tfassal għalihom, iżda jkunu wkoll parteċipanti attivi biex jiffurmawh.

L-għażla ta’ Malta bħala l-pajjiż ospitanti sarrfet f’ambjent importanti u rilevanti għal dawn id-diskussjonijiet. Bil-pożizzjoni tagħna bejn il-bqija tal-Ewropa, l-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani, Malta toffri l-perspettiva ta’ pajjiż ċkejken mill-aktar konness li qed jinnaviga t-trasformazzjoni teknoloġika, bidla demografika, u ħiliet li kull ma jmur qed jinbidlu b’rata mgħaġġla.

Dan l-avveniment saħħaħ ukoll l-ambizzjoni tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet li jżid ir-rabtiet internazzjonali ta’ Malta fl-oqsma tal-intelliġenza dwar il-ħiliet, il-viżjoni u l-ippjanar għall-futur, u t-trasformazzjoni tal-forza tax-xogħol, filwaqt li jġib għarfien espert internazzjonali direttament fid-dibattitu nazzjonali.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport