Fil-Jum Dinji għas-Sigurtà tal-Pazjent, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg ġedded l-impenn tal-Gvern għal kura aktar sigura, hekk kif tkompli l-implimentazzjoni tal-ewwel Strateġija Nazzjonali għas-Sigurtà tal-Pazjent għas-snin 2026–2035.
Dr Borg indirizza seminar nazzjonali li laqqa’ professjonisti tas-saħħa, riċerkaturi, regolaturi, mexxejja fis-settur u rappreżentanti tal-pazjenti sabiex jaqsmu riċerka, prattiċi tajbin u esperjenzi li għaddew minnhom waqt ħidmiethom.
Dan il-jum, imfakkar kull sena fis-17 ta’ Settembru, huwa inizjattiva tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u l-kampanja ta’ din is-sena tiffoka fuq kura sigura għall-mard li ma jitteħidx, bit-tema “Safe care for life!”
Id-Deputat Prim Ministru enfasizza l-importanza li l-istrateġija u r-riċerka jissarrfu f’bidliet konkreti fil-kura tal-pazjenti. Spjega li, għalkemm ir-riskji se jibqgħu jeżistu, titjib kontinwu jista’ jgħin biex dawn jitnaqqsu. Għalhekk, saħaq fuq il-ħtieġa li l-professjonisti kollha involuti jiltaqgħu biex janalizzaw l-inċidenti, jitgħallmu minnhom u jieħdu l-passi meħtieġa biex ma jerġgħux iseħħu.
“Is-sigurtà tal-pazjent hija waħda mill-aktar responsabbiltajiet fundamentali ta’ kull sistema tas-saħħa. Ir-responsabbiltà tagħna hija li nibnu sistema li tantiċipa r-riskji, tirreaġixxi b’mod effettiv meta jinqalgħu l-isfidi, titgħallem mill-esperjenzi u tkompli titjieb. Irridu nkomplu naħdmu flimkien sabiex il-professjonisti u l-ħaddiema tagħna jkollhom l-għarfien, it-taħriġ u l-appoġġ meħtieġ biex joffru kura dejjem aktar sigura u ta’ kwalità lill-pazjenti tagħna ” qal Dr Borg.
L-implimentazzjoni tal-istrateġija tinkludi t-tisħiħ tal-koordinazzjoni nazzjonali għas-sigurtà tal-pazjenti fi ħdan is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika u bħala parti mill-isforzi ġew assigurati madwar €600,000 mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (ESF+) għal programm ta’ taħriġ fis-sigurtà tal-pazjenti u l-iżvilupp ta’ ħiliet fit-tmexxija li jwasslu sabiex il-ħaddiema jkunu mħejjija aħjar biex jagħrfu r-riskji u jtejbu elementi f’ħidmiethom.
Għaddejja wkoll ħidma ta’ tisħiħ fis-sistemi nazzjonali ta’ rappurtaġġ u evalwazzjoni tal- inċidenti, bil-għan li jiġu identifikati kawżi komuni u lezzjonijiet li jissarrfu fi prattiċi aħjar u aktar siguri.
L-Istrateġija tqiegħed ukoll lill-pazjenti u lill-familjari tagħhom fiċ-ċentru, bis-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika tniedi djalogu mal-pazjenti u mar-rappreżentanti tagħhom sabiex tesplora kif leħinhom jista’ jissaħħaħ fi ħdan il-qafas nazzjonali għas-sigurtà tal-pazjent.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, enfasizzat l-importanza tal-koordinazzjoni fis-servizzi mogħtija u l-involviment tal-pazjenti. “Il-pazjenti jgħaddu minn esperjenza waħda ta’ kura, anke meta din tinvolvi organizzazzjonijiet, professjonijiet u servizzi differenti. Huwa għalhekk li l-esperjenza tagħhom tista’ turina aspetti li mhux dejjem jidhru meta tiġi evalwata kull parti tas-sistema b’mod indipendenti,” qalet il-Prof Gauci.
Hija spjegat li s-Sovrintendenza se tkompli tamalgama l-ħidma eżistenti, tappoġġja l-entitajiet tas-saħħa u tidentifika sfidi li jeħtieġu rispons nazzjonali.
Is-seminar indirizza r-rappurtar tal-inċidenti, is-sorveljanza regolatorja, il-benesseri tal-ħaddiema u s-sigurtà. Panel multidixxiplinari ddiskuta kif ir-riċerka u l-esperjenzi tal-pazjenti jistgħu jwasslu għal titjib sinifikanti fil-kura.
