Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nieda uffiċjalment il-programm Opera is Gozo 2026, li għal sena oħra, matul ix-xahar ta’ Ottubru, se joffri spettaklu ta’ kwalità filwaqt li jkompli jsaħħaħ ir-reputazzjoni tal-gżira Għawdxija bħala ċentru ta’ eċċellenza kulturali.
Il-Ministru Camilleri qal li, “F’Ottubru, Għawdex jiċċelebra t-tradizzjoni operistika tiegħu, u jilqa’ udjenzi minn Malta u minn barra minn xtutna biex igawdu wirjiet ta’ kwalità eċċezzjonali f’atmosfera li hija tassew unika għal din il-gżira. Filwaqt li ngawdu l-programm ta’ din is-sena, inħeġġeġ lil kulħadd jesperjenza mhux biss il-wirjiet tal-Opra, iżda wkoll il-karattru uniku, l-ospitalità u l-wirt ta’ gżiritna. Opera is Gozo mhuwiex biss sensiela ta’ attivitajiet. Huwa ċelebrazzjoni tan-nies tagħna, tal-kreattività tagħna u tal-wirt kulturali li b’sodisfazzjon naqsmu mal-bqija tad-dinja.”
Il-qofol artistiku tal-istaġun se jkun karatterizzat minn żewġ produzzjonijiet operistiċi ewlenin. Fis-17 ta’ Ottubru, La Traviata ta’ Giuseppe Verdi se tittella’ fit-Teatru tal-Opra Aurora, u se ġġib fuq il-palk waħda mill-aktar stejjer maħbuba u emozzjonanti tar-repertorju operistiku. Aktar tard matul ix-xahar, fid-29 u l-31 ta’ Ottubru, Madama Butterfly ta’ Giacomo Puccini se tittella’ fit-Teatru Astra, bi produzzjoni li twiegħed li tolqot lill-udjenzi bil-qawwa emozzjonali tagħha u s-sbuħija mużikali li għamlitha klassika tal-opra.
Il-Ministru Camilleri spjega li dawn iż-żewġ produzzjonijiet se joffru serati memorabbli ta’ mużika u teatru, u jkomplu juru l-livell artistiku għoli li bih Għawdex jospita dan il-ġeneru tant importanti għall-identità kulturali tagħna. Huwa esprima wkoll l-apprezzament tiegħu lejn dawk kollha li jagħtu l-kontribut tagħhom biex ta’ kull sena jittella’ l-programm Opera is Gozo u li permezz tal-ħidma u d-dedikazzjoni tagħhom, ikomplu jsaħħu l-pożizzjoni ta’ Għawdex bħala destinazzjoni kulturali ta’ eċċellenza.
Il-programm ta’ din is-sena jkompli jirrifletti r-rikkezza u d-diversità tal-kalendarju kulturali Għawdxi. Minbarra l-produzzjonijiet operistiċi, Opera is Gozo se jkun jinkludi wkoll kunċerti, wirjiet, lekċers, recitals u attivitajiet li jiċċelebraw il-wirt artistiku tal-gżira, filwaqt li jħeġġu udjenzi ġodda jiskopru l-ġmiel tal-opra.
Il-Ministru Clint Camilleri temm billi awgura lil dawk kollha li se jattendu għal Opera is Gozo 2026 esperjenza memorabbli.
Wieħed jista’ jaċċessa aktar informazzjoni dwar Opera is Gozo 2026 minn https://eventsingozo.com/
