Ir-Re Karlu III tal-Gran Brittanja nhar l-Erbgħa ħa l-pass mhux tas-soltu li jwieġeb għall-kritika li għamel ħu l-ewwel mara tiegħu, il-mibkija Prinċipessa Diana. Permezz ta’ kelliem għall-Palazz Buckingham, ir-Re Karlu stqarr li n-niket jista’ jaffettwa r-raġunament, il-ġudizzju u l-memorja.
Huwa qal dan b’reazzjoni għal dak li stqarr Charles Spencer illi l-membru tal-familja rjali kien qallu li “dalwaqt ninsewha,” wara li oħtu l-Prinċipessa Diana mietet f’inċident traġiku tat-traffiku f’Pariġi.
Dawn l-allegazzjonijiet, li jinsabu fi ktieb li mistenni jiġi ppubblikat dalwaqt, jirrigwardaw l-imġiba ta’ dak li llum huwa r-Re tal-Gran Bżrittanja fil-jiem ta’ wara l-mewt ta’ Diana fl-1997.
Diana ħaajjitha fl-età ta’ 36 sena meta l-karozza li fiha kienet qed tivvjaġġa flimkien mas-sieħeb tagħha Dodi Fayed ħabtet f’Pariġi waqt li kienet qed taħrab b’veloċità għolja minn grupp ta’ fotografi paparazzi fuq muturi li kienu qed isegwuhom.
Ħuha, Charles Spencer, jallega f’memorji li mistennija jiġu ppubblikati dalwaqt li dak iż-żmien il-Prinċep Charles kien qallu “serraħ rasek, għad ninsewha malajr biżżejjed.” Dan skont rapport fid-Daily Mail, il-gazzetta li se tibda tippubblika l-ktieb f’sensiela ta’ siltiet.
Il-kummenti li ġew irrapportati ntqalu waqt diskussjoni dwar jekk ulied Diana u Charles, il-Prinċpijiet William u Harry, għandhomx jimxu wara t-tebut tagħha waqt il-funeral – ħaġa li Spencer oġġezzjona għaliha, skont ir-rapport.
Diana saret l-aktar mara fotografata fid-dinja wara li żżewġet lil Charles f’ċerimonja mill-isbaħ fl-1981. Madankollu, iż-żwieġ tagħhom mar għall-agħar u l-koppja eventwalment iddivorzjat fl-1996.
Dwar l-allegazzjonijiet, il-Palazz Buckingham qal li filwaqt li fil-prinċipju ma jikkummentawx dwar kotba, il-Maestà Tiegħu huwa konxju li l-uġigħ ta’ niket bejn aħwa jista’ jċajpar ir-raġunament, jaffettwa l-ġudizzju u jinfluwenza l-memorja b’modi li ħaddieħor ma jirrealizzahom, anke ħafna snin wara telfa bħal din.
Qabel ma l-ktieb inħareġ għal bejgħ, Charles Spencer qal l-għan ta’ dan il-ktieb hu li tiġi rrakkontata l-verità dwar Diana mill-perspettiva ta’ ħuha stess… “Irrid nitkellem f’isem oħti Diana u nagħmel dan b’mod pożittiv u miftuħ.”
