Wednesday, December 25, 2024

Il-konsultazzjoni pubblika dwar il-Qorti tal-Familja tilħaq il-qofol tagħha b’laqgħa mal-pubbliku u l-għaqdiet

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Dr Jonathan Attard flimkien ma’ membri fil-grupp ta’ ħidma b’rabta mar-riforma fil-Qorti tal-Familja poġġew mal-pubbliku f’laqgħa oħra minn sensiela ta’ laqgħat li jiffurmaw parti mill-konsultazzjoni pubblika li għaddejja b’rabta mal-istess riforma.

F’laqgħa li saret f’Santa Luċija, il-Ministru Attard qal li kien jinsab ottimist li l-proċess ta’ konsultazzjoni kien se jkompli jsaħħaħ il-proposti li qed jitressqu ’l quddiem. Huwa tenna l-impenn tiegħu li ladarba jintemm dan il-proċess, tkompli l-ħidma lejn l-implimentazzjoni ta’ tibdil tanġibbli għal dawk li sfortunatament ikollhom sitwazzjoni familjari li twassalhom sal-qorti.

“Naċċerta ’l kulħadd li l-Gvern huwa aktar minn dipost li f’dan il-proċess ikompli jisma’, mhux biss l-esperjenzi ta’ min hu mġarrab mis-sistema imma wkoll ir-reazzjoni għal proposti li qed jitressqu ’l quddiem. Daqstant ieħor però aħna determinati, li ġaladarba jingħalaq dan il-proċess ta’ konsultazzjoni nikkonsolidaw il-proposti, abbażi tal-feedback miġbur, biex ngħaddu għall-implimentazzjoni,” qal il-Ministru Attard.

Il-Ministru kompla biex jgħid li l-għan ta’ din ir-riforma huwa li tiżdied l-effiċjenza imma anke l-kwalità fil-ġustizzja, b’assistenza u sostenn mill-istat, li jmur lil hinn mill-proċess legali. Huwa qal li l-investiment fl-implimentazzjoni ta’ din ir-riforma se jkun wieħed b’saħħtu u dan fost l-oħrajn bit-twaqqif ta’ Uffiċċju ta’ Sostenn fi ħdan l-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qrati, kompost minn professjonisti f’oqsma ta’ sapport, bħal psikjatri, psikologi, terapisti, social workers, u nies imħarrġa fil-parental alienation.

Il-Ministru esprima l-apprezzament tiegħu għal dawk kollha preżenti, inkluż l-għaqdiet, li għoġobhom ikunu l-vuċi tas-soċjetà f’serata li tqajmu diversi punti fosthom il-medjazzjoni, il-vittmi ta’ vjolenza domestika, l-aċċess tat-tfal u l-manteniment, partikolarment però rringrazzja lil dawk li b’kuraġġ attendew u tkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom.

Apparti l-pubbliku, saru interventi wkoll mill-għaqda Happy Parenting Malta, li diġà ssottomettew ir-reazzjoni tagħhom għar-riforma, kif ukoll mill-Kap tas-Servizz SOAR tal-Fondazzjoni St Jeanne Antide, fejn is-Sin. Shakira Fenech qalet li d-diskussjoni bl-interventi minn nisa u rġiel bħal donnha kkonfermat li din mhix battalja bejn nisa jew irġiel, iżda battalja ta’ vittmi li jgħaddu minn sitwazzjonijiet diffiċli fejn dejjem jispiċċaw ibatu t-tfal.

“Żommu dejjem fl-interess tagħkom id-drittijiet tat-tfal. Kemm huwa importanti li t-tfal ikollhom għajnuna psikoterapewtika kif insiru nafu li dawn ġew esposti għal vjolenza domestika. Irġiel u nisa ta’ rieda tajba għandhom ikomplu jsemmgħu leħinhom u nwaqqfu din il-pika li għandna bejnietna li ġewwa l-Qorti qegħdin nispiċċaw insofru minħabba l-fatt li forsi ma nsibux rappreżentazzjoni kif jixirqilna. Żommu f’moħħkom li t-tfal huma l-ġenerazzjoni ta’ għada,” temmet tgħid Fenech.

Il-laqgħa pubblika li ttellgħet fi Ġnien is-Serenità, Santa Luċija, kienet indirizzata wkoll minn Dr Sharon Mizzi u mis-Sinjura Joanne Battistino, ilkoll membri fil-grupp ta’ ħidma tar-riforma, u preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru s-Sur Johan Galea.

Il-konsultazzjoni pubblika hija miftuħa sal-11 ta’ Novembru 2024. Id-Dokument jinsab aċċessibbli online fuq publicconsultation.gov.mt u l-feedback jista’ jiġi sottomess fuq [email protected].

Ekonomija

Sport