Friday, December 13, 2024

Il-PN jibża’ li l-poplu jkun jaf kif se jolqtu l-Budget

Aqra wkoll

Il-Partit Laburista jikkundanna l-aġir tal-Partit Nazzjonalista li qed jagħmel sarima ma’ ħalq il-Gvern, biex kif inhu obbligat jagħmel, jinforma lin-nies bil-miżuri mħabbra fil-Budget 2025 fuq ix-xandir pubbliku.

F’konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit u Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba qal li l-PN rrikorra għal proċeduri legali fil-konfront tax-xandir pubbliku biex iwaqqfu milli jixxandru clips informattivi dwar il-miżuri tal-Budget 2025.  

Agius Saliba rrimarka kif dawn il-clips informattivi jixxandru kull sena biex in-nies jifhmu iktar kif se jibbenefikaw mill-miżuri mħabbra fil-Budget, li huwa l-iktar proċess parlamentari importanti għall-Gvern matul is-sena.

Żied jgħid li l-Oppożizzjoni qed toħroġ iktar fid-deher kienn hija partit tad-double standards għax filwaqt li qed tiċċensura dawn il-clips mix-xandir pubbliku, li skont il-PN huma partiġġjani, l-istess PN ma ddejjaq xejn li l-istess clips ixandarhom fuq l-istazzjon NET.

Agius Saliba sostna li l-PN jinsab f’paniku totali għax jaf li dan kien Budget bla preċedent li għall-ewwel darba fl-istorja ser ikun qed inaqqas it-taxxa tad-dħul għall-ħaddiema kollha Maltin u Għawdxin. Temm jgħid li dan il-baġit huwa sostenibbli u diġà ġie approvat mill-Kummissjoni Ewropeja.    

Il-MPE Laburista Daniel Attard ta’ rendikont ta’ għadd ta’ miżuri li bihom il-poplu Malti u Għawdxi se jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tiegħu, fosthom bit-tnaqqis tat-taxxi, iż-żieda fil-pensjonijiet, u s-sussidji fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. 

Qal li l-PN flok joħroġ bi kritika kostruttiva dwar il-miżuri tal-Budget, qed jipprova jostakola l-ħidma tal-Gvern u juża l-istituzzjonijiet biex il-poplu ma jkunx infurmat biżżejjed dwar kif il-Gvern se jwieżen lill-familji, il-pensjonanti u n-negozji. 

Ekonomija

Sport