Sunday, November 3, 2024

IL-KONSUMATURI JRIDU JUŻAW IS-SAĦĦA TAGĦHOM

Aqra wkoll

Hu fatt li fl-aħħar jiem u ġimgħat f’pajjiżna kompliet il-mewġa ta’ żieda fil-prezzijiet. Żieda li tinkorpora fiha kull qasam. Ibda minn dak tal-ikel u ibqa sejjer f’setturi oħra. Anke l-qasam tad-divertiment u l-ospitalità u dak tas-servizzi qegħdin naraw żieda fil-prezzijiet.  Din il-mewġa  qed tirrifletti ruħha ukoll fejn jidħlu ir-ristoranti u l-prezzijiet għall-ikel. 

Dak li qed nesperjenzaw f’pajjiżna mhux xi fenomenu tagħna iżda hi xi ħaġa li qed jesperjenzawha il-pajjiżi kollha madwar id-dinja.  Ir-raġunijiet għal dawn iż-żidiet huma diversi. Ma bdewx mal-gwerra fl-Ukrajna kif hawn min qed jagħti l-impressjoni. Ir-rankatura fil-prezzijiet bdiet ferm u ferm qabel.

L-inflazzjoni u ż-żieda fil-prezzijiet li qegħdin naraw hi dovuta għall-fatt li l-inflazzjoni f’pajjiżi minn fejn nimpurtaw kien hemm żidiet sostanzjali fil-prezzijiet. Dawn iż-żidiet seħħew minħabba żieda fid-domanda, żieda fl-ispiża tal-enerġija u anke l-fjuwil. Dawn iż-żidiet inizjalment kienu dovuti għall-irkupru qawwi fid-domanda wara l-pandemija li ma setgħetx tiġi ssodisfata minħabba problemi fil-provvista u l-produzzjoni.

Ġara li fi Frar imbagħad bdiet l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja.  Din splodiet il-problema u wasslet għall-żieda qawwija fil-prezzijiet ta’ materja prima, l-enerġija u anke prodotti tal-ikel b’mod partikolari il-prezz tal-qamħ u ċereali.

Filfatt sa minn qisu Ottubru tas-sena li għaddiet, pajjiżna beda jara ir-rata ta’ inflazzjoni tiela ‘l fuq u din bdiet taqbeż ferm it-2% f’pajjiżna. Pajjiżna mhux qiegħed waħdu u jekk inqabblu dak li qed jiġri f’pajjiżna ma’ x’qed jiġri fl-Unjoni Ewropea, naraw l-inflazzjoni f’pajjiżna hi ferm inqas minn dik li qed jesperjenzaw il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Din hi dovuta għall-fatt li l-prezz tal-enerġija u fjuwil, kif ukoll ta’ xi materji primi, qed jinżamm stabbli permezz ta’ sussidji min-naħa tal-Gvern. 

Irridu inżommu f’rasna li għal dan, għal dawn is-sussidji hemm prezz. Hu minnu li dawn is-sussidji  qed iżommu l-inflazzjoni f’pajjiżna f’livelli iktar baxxi minn dak li qed jesperjenzaw fl-Unjoni Ewropea. Dawn is-sussidji, li jfissru ħruġ ta’ flus mill-Gvern u li jinvolvu miljuni ta’ Ewro, qed iwasslu biex l-irkupru fil-finanzi pubbliċi mistenni wara t-tmiem tal-għajnuniet relatati mal-pandemija qed ikun anqas minn dak previst. Madanakollu, meta wieħed iħares jejn il-komponenti l-oħra tal-indici tal-prezzijiet, jigifieri, ikel, prodotti ohra industrijali barra dawk ta l-energija, u servizzi, dawn qed juru inflazzjoni li hi madwar jew ftit aktar mill-medja tal-Unjoni  Ewropea. 

Waqt li hu minnu li l-affarijiet qegħdin jogħlew minn barra u din ix-xejra jidher li se tkompli għallinqas sa l-aħħar ta’ din is-sena u jiddependi ħafna ukoll minn kif se tiżviluppa l-gwerra fl-Ukrajna, ma neskludux li hawn min qed jabbuża fil-prezzijiet.

Nemmnu li l-konsumaturi għandhom jiftħu għajnejhom għal dan. Hawn min hu raġonevoli fil-prezzijiet tiegħu u ż-żidiet li kellu kienu jirrifettu verament l-prezzijiet ġodda li esperjenza minn barra. Nemmnu imma li hawn oħrajn li l-mod kif għollew il-prezzijiet u s-servizzi tagħhom, ma jirriflettix verament l-mod kif żdiedu l-prezzijiet minn barra. Dan għax il-prezzijiet li qegħdin jitobu hawn żdiedu b’rata ferm u ferm aktar minn ta’ negozji oħra.

Hu hawn li l-konsumaturi iridu joqogħdu attenti u jiddeċiedu huma kif għandhom jaġixxu.  Il-konsumatur jibqa’ dejjem bl-aqwa arma f’idejh.  Hu f’mumenti bħal dawn fejn il-konsumatur jista’ jwassal messaġġ ċar lil min qed jabbuża. Nemmnu ukoll li l-awtoritajiet għandhom jaraw li jkun hemm sorveljanza ta’ x’inhu għaddej eżattament.

Sport