Saturday, December 21, 2024

Il-Konsumaturi llum – Problemi li qed iħabbat wiċċu magħhom (i)

Aqra wkoll

Fi żminijiet bħal dawn in-nies ikunu jridu serħan tal-moħħ.  Biżżejjed, minħabba dan il-virus, ikollhom jieħdu ħsieb tagħhom kull ħin u kull mument.  L-anqas ħaġa li n-nies jistennew hi li bħala konsumaturi jsibu problemi. 

Biss ir-realtà hi differenti. Dan għaliex ħafna minnhom xorta qed jiltaqgħu ma’ problemi.  Aktar minhekk, il-problemi li qed jiltaqgħu ħafna konsumaturi huma differenti mill-problemi li kienu jiltaqgħu magħhom qabel. 

Illum ser insemmi numru ta’ problemi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-konsumaturi.  Bħalissa waħda mill-aktar problemi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-konsumaturi hi dwar l-ivvjaġġar li kienu bi ħsiebhom jagħmlu.  Dan qed jolqot numru kbir ta’ konsumaturi għaliex dan l-aħħar snin l-ammont ta’ nies li kienu qed isiefru biex jieħdu vaganza żdied bil-kbir.  Qabel, ħafna l-aktar li kienu jħarsu hi forsi xi vaganza qasira fis-sajf darba kull tant snin.  Imma dan l-aħħar snin kien hemm ħafna li kienu qed iħarsu lejn vaganza barra minn Malta għal aktar minn darba fis-sena barra li kienu qed iħarsu lejn pajjiżi oħra barra ż-żewġ pajjiżi, l-Ingilterra u l-Italja, fejn normalment konna mmorru. 

L-ewwel problema kienet li minkejja li l-ivvjaġġar għal barra minn Malta kien għadu possibbli, kien hemm ħafna konsumaturi li minħabba li huma beżgħu għal saħħithom ħassru l-vjaġġ tagħhom.  Tistgħu toqogħdu ċerti li din ma kinitx deċiżjoni faċli għaliex l-ispejjeż li kienu ser jitilfu ma kienux żgħar, imma s-saħħa hi importanti għal kulħadd.  Dawn il-konsumaturi tilfu kull sold li kienu ħallsu għaliex kienu huma li ħassru l-vjaġġ u l-liġijiet u s-servizzi li għandna qatt ma kienu ħasbu f’ċirkostanzi li qed jgħixu fihom llum il-konsumatur. 

Kien hemm okkażjonijiet oħra, fejn min organizza l-ġita jew cruise ppressa l-grupp tal-ġita biex jippostponuha mingħajr ma qalulhom id-drittijiet tagħhom skont il-liġi.  Dan mhux sew għaliex f’ħafna każi l-liġi hi waħda ċara – il-konsumatur għandu dritt għall-flus kollha li jkun ħareġ meta l-aġent iħassar il-vjaġġ. 

Il-pressjoni li qed issir fuq il-konsumaturi mhix ġusta.  Per eżempju, mhux l-ewwel darba li kull ma qed jgħidulhom hu li jistgħu jippostponu biss.  Mhux talli hekk, imma hemm minnhom li qed jagħtuhom anqas minn 24 siegħa biex il-konsumaturi jiddeċiedu d-data ta’ meta jridu jippotsponuha.  Għalija din hi inġustizzja speċjalment meta il-Gvern biex jagħti nifs lill-aġenziji tawwal iż-żmien biex iħallsu lill-konsumaturi minn 14-il ġurnata għal sitt xhur. 

Hu minnu wkoll li l-liġijiet li għandna qatt ma kienu qed jaraw ċirkostanzi bħal ma għandna llum, fejn biex jiġi kkontrollat it-tixrid tal-corona virus, ħafna konsumaturi kellhom jibdlu jew iħassru l-pjanijiet tagħhom.  Dan laqat mhux biss lill-konsumaturi imma wkoll lin-negozji.

Hu għalhekk li filwaqt il-konsumaturi għandhom ikunu jafu d-drittijiet tagħhom għandhom ikunu flessibli.  Fejn jistgħu, għandhom jaċċettaw il-possibilita’ li jippostponu dak il-vjaġġ li jkunu ordnaw.  S’intendi li l-konsumatur ikun jaf li f’ċerti każijiet għandu d-dritt li jitħallas ikun f’pożizzjoni li jinnegozja.  Per eżempu, illum ħafna negozji qed joffru li l-vjaġġ li kienu ordnaw il-konsumaturi jiġi postpost sal-aħħar ta’ din is-sena.  Barra li dan mhux dejjem ikun possibbli għall-konsumaturi, hemm min irid ikollu moħħu mistrieħ u jkun lest li jaċċetta postponiment fuq tul ta’ żmien aktar twil.  Jekk hu jkun jaf id-drittijiet tiegħu jkun jista’ jinnegozja dan għaliex il-flessibilta’ għandha tiġi miż-żewġ naħat. 

Hu għalhekk li l-Għaqda tal-Konsumaturi rat din il-possibilta’ bir-reqqa biex filwaqt li l-konsumaturi jkunu flessibli jissavagwarjaw id-drittijiet tagħhom.  L-Għaqda għamlet kuntatt mal-BEUC, l-għaqda li tirirrapreżenta lill-konsumaturi fuq livell Ewropew.  Wara dan l-Għaqda tal-konsumaturi ippubblikat fuq il-website tagħha www.camalta.org.mt x’inhuma d-drittijiet tal-konsumaturi meta l-konsumaturi jkunu ibbukkjaw package tour.   F’din is-site wieħed isib li l-konsumaturi għandu żewġ alternattivi.  Barra li hemm spjega ta’ dawn, wieħed isib il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ kull għażla li jista’ jagħmel.  Ir-raġuni hi li mhux kull alternattiva tgħodd għal kull konsumatur partikolari. 

Tajjeb li ngħidu li biex wieħed jikkwalifika għal package tour irid ikun ibbukkja aktar minn servizz wieħed mal-aġent tal-ivvjaġġar.  Jekk il-konsumaturi jkunu ibbukkjaw servizz wieħed, ir-regoli tal-package tours ma jkunux jgħoddu.  Biss dan ma jfissirx li il-konsumaturi ma jkollom l-ebda dritt.  Jekk nieħdu il-vjaġġ bl-ajru, hemm regolamenti oħra li japplikaw. 

Illum l-Air Malta għadha kemm ħarġet kundizzjonijiet ġodda għal dawk li minħabba l-lockdown fuq il-vjaġġi ser jitilfu t-titjira tagħhom.  L-Air Malta qed toffri tliet possibiltajiet lill-konsumaturi.  Dawn l-alternattivi li qed toffri l-Air Malta huma pass importanti ħafna, għaliex speċjalment l-aħħar alternattiva, filwaqt li qed toffri flessibilta’ sew lill-kumpanija u sew lill-konsumaturi, qed tħares id-drittijiet tal-konsumaturi.  Din l-alternattiva hi simili ħafna għal dak li ssuġġerit l-Għaqda tal-Konsumaturi.

Hi ħasra li mir-rapporti li qed nirċievu, il-maġġoranza ta’ aġenti tal-ivvjaġġar, mhumiex qed jimxu ma’ dawn il-linji gwida u qegħdin jagħfsu lill-konsumaturi biex ikunu huma li jikkanċellaw il-vjaġġ u għalhekk qed itellfu d-drittijiet li għandhom il-konsumaturi.

Nagħlaq billi ngħid prosit lill-Air Malta li qed turi t-triq ‘il quddiem għax meta qed tħares l-interessi tal-konsumaturi u tagħha fl-istess nifs, qed tkabbar il-fiduċja li għandhom il-konsumaturi f’din il-linja.  Dan ma jistax jingħad għal dawk il-kumpaniji li qed iċaħħdu lill-konsumaturi mid-drittijiet tagħhom. 

Ekonomija

Sport